Il-board games jinħatfu minn fuq l-ixkafef tal-ħwienet – One News

Il-board games jinħatfu minn fuq l-ixkafef tal-ħwienet


Jekk il-Coronavirus f’pajjiżna ċaħditna minn ħafna affarijiet li konna mdorrijin bihom matul ħajjitna żgur ma ċaħditnix mill-ħin liberu.

Hekk kif ħafna Maltin u Għawdxin qed jobdu d-direttivi li ħarġu l-Awtoritajiet tas-Saħħa f’Malta, ħafna mill-ħin liberu tagħhom qed ikollhom iqattgħuh ġewwa darhom sabiex jipprevjenu t-tixrid ta’ din l-imxija.

Madankollu l-Maltin kif qed jimlew l-ammont kbir ta’ sigħat li qed iqattgħu f’darhom?

Raymond Tabone, sid ta’ ħanut tal-ġugarelli f’Ħal Qormi qalilna b’ċertezza li l-Maltin qed jirrikorru għall-board games u l-crafts.

Dan l-istazzjon żar il-ħanut magħluq ta’ Tabone. Madankollu ġewwa l-ħanut sibna lis-sid flimkien ma’ familtu li minkejja s-sitwazzjoni xorta jinsabu fil-ħanut jaraw kif ser jaqbdu ma’ xi tarf sabiex jgħaddu l-ħin.

Raymond Tabone qalilna kif fil-jiem qabel kellu jagħlaq il-ħanut minħabba d-direttivi mill-awtoritajiet tas-Saħħa, il-board games inħatfu f’temp ta’ ftit ħin.

Huwa spjega: “Bħala xogħol l-iktar li nbiegħu huma board games u affarijiet tal-crafts u games li bihom in-nies ħa joqgħodu bihom id-dar jilagħbu u ħafna ħin id-dar.

Ġiet ħabta u sabtha imma li kellna bigħejnieh bħala xogħol.”

Qalilna wkoll kif minkejja li ż-żminijiet evolvew u l-logħob tal-board games inbidlu, xorta għad hemm domanda għal dawk klassiċi.

Is-Sur Tabone sostna: “Bħala board games kollha jimxu imma l-iktar l-antiki jimxu. Għadhom famużi ħafna. L-iktar bħala Drafts, Chess u Ludo.”

Is-Sur Tabone qalilna li hekk kif issa jinsab bil-ħanut magħluq hu flimkien ma’ familtu qed jimlew il-ħin ukoll billi jippreparaw affarijiet ta’ tiżjin u aċċessorji għall-Milied li ġej fosthom crackers u bżieżaq.

Huma kompla jgħid: “Nippreparaw għall-Milied bħala Christmas crackers, Christmas items biex dak li jkun ikollna iktar xogħol għall-Milied.”

Intant hekk kif temm l-intervista magħna Raymond appella sabiex il-poplu jibqa’ jobdi d-direttivi u ma joħroġx minn daru. Dan sabiex negħlbu din l-isfida li qed tiddomina lid-dinja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend