19-il każ ġdid ta’ Coronavirus f’Malta – One News

19-il każ ġdid ta’ Coronavirus f’Malta


Il-każijiet ta’ persuni infettati bil-Coronavirus telgħu għal mija disgħa u għoxrin. Dan hekk kif f’konferenza tal-aħbarijiet, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tat dettalji ta’ dsatax-il każ ġdid ta’ persuni bil-Coronavirus.

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li dawn l-aħħar każijiet irriżultaw pożittiv minn 488 test li ttieħdu matul il-jum tat-Tlieta.

Ma’ dan l-istazzjon, il-Professur Gauci qalet li mija u żewġ persuni morda b’dan il-virus jinsabu fi djarhom.

Dan filwaqt li għaxar persuni qed jingħataw il-kura fl-isptar Mater Dei u 17 oħra qed jingħataw l-kura fl-isptar privat ta’ San Tumas f’Ħal Qormi.

Fost il-każijiet il-ġodda, tmien persuni ġew infettati bil-Coronavirus wara li siefru.

Maltija ta’ 47 sena, oħra ta’ 23 sena, Ingliż ta’ erbgħa u ħamsin sena li jgħix f’Malta u ibnu ta’ 22 sena, ġew infettati bil-Coronavirus wara li siefru lejn ir-Renju Unit.

Irriżultaw pożittivi ukoll għal Coronavirus, Spanjola ta’ 40 sena li tgħix f’Malta u ġiet lura minn Spanja, żewġ t’irgiel ta’ 52 sena u 19-il sena li ġew mill-Awstrija u Maltija ta’ 56 sena li ġiet lura mill-Polonja.

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li 4 persuni ġew infettati wara li kellhom kuntatt ma’ persuni li kienu pożittivi għal Coronavirus u kienu jafu bihom l-awtoritajiet tas-saħħa.

Żagħżugħ ta’ 21 sena ħa l-virus wara li kellu kuntatt ma żewġ persuni infettati fl-Aġenzija Sapport. Bl-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin jieħdu l-miżuri neċessarji f’din l-aġenzija.

F’każ separat, Malti ta’ 58 sena ħa l-virus wara li huwa qarib ta’ ħaddiema infettata bil-Coronavirus.

Raġel ta’ 36 sena kellu kuntatt ma’ persuna pożittiva f’gym. Filwaqt li mara ta’ tnejn u ħamsin sena laqtet il-Coronavirus hekk kif kellha kuntatt ma’ persuna infettata.

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li għandna seba’  każijiet ta’ trażmissjoni lokali, bil-persuni infettati ma jafux minn fejn ħadu l-virus.

Fost dawn il-każijiet hemm Malti ta’ 27 sena, Taljan ta’ 38 sena li jgħix Malta, mara ta’ 24 sena u Ċiniż ta’ 23 sena, it-tnejn jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, Malti ta’ 47 sena u Maltija ta’ sittin sena.

Il-Professur Gauci qalet li hemm anzjan ta’ 81 li ġie infettat bil-Coronavirus. Huwa qed jingħata l-kura fit-taqsima tal-infezzjonijiet f’Mater Dei u jinsab f’kundizzjoni stabbli u s’issa m’għandu l-ebda kumplikazzjonijiet.

Dwar l-anzjan ta’ wieħed u sittin sena  li l-ġimgħa li għaddiet ddaħħal fit-taqsima tal-kura intensiva, il-Professur Gauci qalet li dan mhux f’qagħda kritika.

Il-Professur Gauci kkummentat ukoll għall-fatt li hawn anzjani li qed ikunu fil-pjazzez.

Hija spjegat: “Nifhmu li huwa diffiċli li persuna ma jkolliex kuntatt ma’ nies oħrajn. Però l-fatt li jmorru fil-pjazzez u jiltaqgħu ma’ nies oħrajn jaf il-virus jinfirex. Nappellaw ukoll ir-relatives biex iżommu kuntatt magħhom billi ma jmorrux id-dar.”

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika appellat biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed fil-ġlieda kontra dan il-virus.

Il-Professur Gauci sostniet: “Kulħadd jista’ jagħmel il-parti tiegħu. Din hija kantina. Jista’ jkun kull persuna li qed jismgħani li jwaqqaf dan il-virus. Jekk naħdmu flimkien nistgħu nwaqqfu l-virus milli jinfirex.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend