40 sena ilu nqatel brutalment l-Isqof Oscar Romero – One News

Notifiki

40 sena ilu nqatel brutalment l-Isqof Oscar Romero


Bħal-lum 40 sena, l-Arċisqof twajjeb Oscar Romero nqatel b’tiri ta’ arma tan-nar hekk kif kien qed iqaddes fil-kappella tal-Isptar tal-Providenza f’San Salvador, fl-Amerika Ċentrali.

Magħruf għat-tagħlim soċjali, Romero kien kritiku qawwi tal-Gvern li kien qed iwettaq oppressjoni kbira fuq il-poplu tal-pajjiż.

Skont xhieda, kien waqt it-tmiem tar-rit Ewkaristiku li l-Ariċsqof Romero nqatel u demmu nfirex mal-artal kollu.

Min qatlu qatt ma nqabad għalkemm is-swaba’ jippuntaw lejn milizzja leali lejn il-Gvern lemini ta’ San Salvador ta’ dak iż-żmien li riedet issiktu talli kien qed jopponi l-attroċitajiet li kienu qed isiru mill-Gvern tal-pajjiż kontra niesu.

Fl-14 ta’ Frar ta’ sentejn ilu l-Papa Franġisku kkanonizza lil Romero qaddis.

F’kumment ma’ dan l-istazzjon, it-Teologu Fr Hector Scerri qal li kien wara li nqatel sieħeb Romero, li dan ħareġ minn qoxortu u beda jipriedka kontra l-faqar u l-inġustizzja soċjali,

Fr Hector spjega: “Fl-1977 ġie maqtul fi żmien Gwerra Ċivili wieħed minn sħabu, Fr Rutilio Grande u qisu minn dakinhar l-Isqof Romero qisu ħareġ minn qoxortu u beda jitkellem b’mod iktar qawwi u li jinstema’ aktar u b’saħħa akbar.”

Għal żmien twil anki l-Knisja Kattolika naqset li tirrikonoxxi ħidmet Oscar Romero.

Il-Professur Scerri qal li għal bidu l-kawża sabiex Romero jsir beatu u qaddis kienet weħlet, iżda imbagħad kien il-Papa Franġisku li għaraf li dan jistħoqlu jingħata l-ogħla ġieħ ta’ qaddis.

Huwa sostna: “Il-Papa Franġisku nnifsu li ġej mill-istess ambjenti mill-Amerika Latina u li kellu rispett lejh għalkemm qatt ma ltaqa’ miegħu imma l-Papa kien donnu determinat li din il-figura ta’ Oscar Romero tingħata l-ġieħ li jistħoqqilha mhux biss fuq livell uman imma wkoll li jiġi ppreżentat bħala mudell għall-insara.”

Fr Hector qal li Romero ġie meqjus bħala martri u allura ma kellux għalfejn ikun hemm il-proċess ta’ beatu, iżda imbagħad persuna ġiet imfejqa wara li talbet bl-interċessjoni tiegħu.

Intant, fl-2010, l-Assemblea tal-Ġnus Maqgħuda ddedikat din il-ġurnata bħala Jum dinji għad-dritt tal-verità, sabiex tfakkar il-ħidma ta’ dan il-qaddis.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Għax Ġwanni Pawlu it-tieni lil qassisin li nqatlu mix-xellug biss kien jagħmel qaddisin. Lil Romero ma għamlux qaddis għax kien jitkellem kontra gvern lemini.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend