L-Awtorità tal-Ippjanar iddeċidiet li terġa’ tibda tisma’ s-smigħ pubbliku għal-laqgħat tal-Kummissjoni tal-Ippjanar. Fi stqarrija l-Awtorità qalet li ser tkun qed tieħu l-miżuri neċessarju ta’ prekawzjoni sabiex tissalvagwardja s-saħħa pubblika.
Il-Kummissjoni tal-Ippjanar, ser tkun qed tiddeċiedi biss fuq dawk il-każijiet li fihom ma kien hemm l-ebda oppożizzjoni waqt il-proċess tal-ippjanar. Għal dawn il-każijiet, il-kummissjoni ser tkun qed tikkuntatja lill-applikant jew lill-Perit u ser toffri l-għażla biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-smigħ permezz ta’ video conferencing.
Jekk l-applikant u il-perit jiddeċiedu li jattendu s-smigħ innifsu, il-perit biss ser ikollu permess li jidħol fil-kamra li fih ikun qed isir is-smigħ u dan għandu jirrispetta l-regoli ta’ social distancing. Jekk għal xi raġuni, l-applikant jew il-perit ma jattendux is-smigħ pubbliku u ma jikkomunikawx mal-kummissjoni permezz ta’ video conferencing, l-applikazzjoni ser tiġi diferita.
L-Awtorità tal-Ippjanar ikkonkludiet tgħid fl-istqarrija li l-bord qiegħed f’kuntatt kontinwu mal-Awtoritajiet tas-Saħħa.