Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti, l-Uffiċċju tal-Kummissajru għat-Tfal iħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom fdati f’idejhom it-trobbija, sabiex iħarsu u jipromovu l-benesseri ta’ dawn it-tfal f’kull ħin.
Dan huwa tabilħaqq żmien diffiċċli għal kulħadd u għaldaqstant nemfasiżżaw li kulħadd għandu jsegwi dak li qed jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.
Ġenituri u kuraturi tat-tfal għandhom iżommu ‘l bogħod minn dawk l-iktar vulnerabbli sabiex innaqqsu l-firxa ta’ din l-imxija. Din hija sfida kbira partikolarment għal dawk li għandhom it-tfal żgħar, dawk li qed jieħdu ħsieb persuni anzjani u dawk il-ġenituri separati li jaqsmu l-aċċess u l-ħarsien ta’ uliedhom.
L-Uffiċċju tal-Kummissajru għat-Tfal iħeġġeġ għaldaqstant lil dawn il-ġenituri biex ma jesponux lil uliedhom għal riskji bla bżonn billi jżommuhom id-dar kemm jista’ jkun.
Dan ma jfissirx li għandna niżolawhom mill-kumplament tal-familja u l-ħbieb. It-teknoloġiji moderni kapaċi jżommuhom f’kuntatt ma’ dawk l-iktar għeżież għalihom bħalma huma n-nanniet li l-eta tagħmilhom iktar vulnerabbli. Dan jgħodd ukoll għall-aċċess tat-tfal għall-ġenitur l-ieħor li jkunu mifrudin minnu.
Għat-tfal dan huwa wkoll żmien stressanti. Għaldaqstant l-Ufiċċju jħeġġeġ lill-ġenituri biex jisimgħuhom, juruhom li jħobbuhom u jkunu ta’ wens għalihom f’dawn il-mumenti.
Għandhom joffru spjegazzjoni ċara ta’ x’inhi din l-imxija u x’għandhom jagħmlu biex huma wkoll iħarsu lilhom infushom u lil dawk ta’ madwarhom mingħajr biża’ żejda. B’hekk inkunu qed ngħinuhom jegħlbu l-ansjeta li tista’ taħkimhom.
F’kas li l-ġenituri jixtiequ iktar tagħrif biex jgħinu lit-tfal jistgħu jagħmlu kuntatt billi jċemplu 179.
Għaż-żgħażagħ u l-adoloxxenti hemm ukoll is-servizz ta’ kellimni.com. Kulħadd jista’ jagħmel id-differenza biex tintegħleb din il-problema.