10 każijiet ġodda ta’ coronavirus fosthom anzjan li jinsab fi stat tajjeb ħafna ta’ saħħa – One News

Notifiki

10 każijiet ġodda ta’ coronavirus fosthom anzjan li jinsab fi stat tajjeb ħafna ta’ saħħa

F’pajjiżna feġġew għaxar każijiet ġodda ta’ persuni nfettati bil-coronavirus, biex issa t-total ta’ każijiet pożittivi f’Malta telgħu għal 48.

Dwar l-aħħar żviluppi, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li għall-ewwel darba hemm każ ta’ anzjan. Ir-raġel huwa Malti ta’ sebgħin sena li jinsab fi stat tajjeb ħafna ta’ saħħa.

L-anzjan beda juri s-sintomi fid-9 ta’ Marzu u ma sifirx, bl-awtoritajiet tas-saħħa għadhom iridu jiddentifikaw is-sors tal-infezzjoni.

Prof Charmaine Gauci spjegat: “Il-persuna huwa fi stat ta’ saħħa li hija tajba ħafna u qegħdin inkomplu nsegwuh peress li huwa anzjan u għandu 70 sena u huwa importanti li nżommu għajnejna fuqu ħafna iktar għaliex dal-persuna nafu li jista’ jkollu iktar kumplikazzjonijiet mill-każijiet l-oħra li kellna allura dan huwa każ li huwa importanti ħafna.”

Irriżultaw pożittivi wkoll żewġ t’aħwa nisa ta’ 26 u 27 sena, li kienu għal btala l-Ġermanja u l-Polonja. Huma kellhom sintomi ta’ sogħla u qtugħ ta’ nifs fid-disgħa ta’ Marzu u qagħdu fi kwarantina. Qed isir proċess ta’ assessjar għall-persuni li kienu fuq it-titjira li ġew biha n-nisa minn Berlin.

Hemm ukoll koppja Taljana li tgħix f’Malta li rriżultat fil-pożittiv għall-Coronavirus. Il-mara u r-raġel għandhom 34 sena. Huma ma kinux imsefrin imma kellhom kuntatt fuq il-post tax-xogħol ma’ persuna li rriżultat fil-pożittiv it-Tlieta. Il-mara kellha sintomi ta’ sogħla u għejja, u r-raġel kellu uġigħ fil-muskoli.

Każ ieħor huwa ta’ mara Maltija ta’ 48 sena li kienet Londra bejn l-ewwel u s-sebgħa ta’ Marzu. Hija bdiet turi s-sintomi fis-sbatax ta’ Marzu. Minn meta ġiet lura qagħdet kwarantina u ma kienx hemm espożizzjoni lil nies oħra ħlief għall-erba’ membri tal-familja.

Żewġ każijiet oħra huma relatati ma’ każ li ssemma t-Tlieta ta’ persuna li ddaħħlet l-isptar bi ksur. Ġew investigati nies li kienu fl-istess sala u rriżultaw fil-pożittiv raġel ta’ sebgħa u ħamsin sena u ieħor ta’ tlieta u sebgħin sena.

Każ ieħor huwa ta’ Malti ta’ 37 sena li ma sifirx u beda fis-sintomi fid-9 ta’ Marzu. Huwa kellu kuntatt fuq il-post tax-xogħol ma’ barrani li kien l-Ingilterra.

Hemm infettata wkoll tfajla ta’ 26 sena li hija membru fil-familja ta’ wieħed mill-każijiet li rriżulta fil-pożittiv fl-aħħar jiem. F’din il-familja hemm erba’ każijiet – l-ewwel kienet tfajla li kienet il-Belġju u rriżultat fil-pożittiv kif ġiet lura.

Il-Professur Gauci qalet li issa għandna sitwazzjoni fejn hemm taħlita ta’ sorsi ta’ trażmissjoni. Qalet li l-biċċa l-kbira huma impurtati minn barra l-pajjiż imma issa bdew ifeġġu każijiet li s-sors tagħhom għadu mhux identifikat.

“Din hija xi ħaġa li qegħdin nistennewha u hija xi ħaġa li permezz tal-early case identification u anki permezz ta’ contact tracing, huwa l-mezz kif aħna nibdew nillimitaw u nnaqqsu l-impatt li jista’ jkollha l-firxa ta’ din il-marda.”

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Professur Gauci ċaħdet rapporti ta’ mwiet f’Malta minħabba l-coronavirus, u qalet li dawn ma kellhomx x’jaqsmu ma’ din l-influwenza.

Hija stqarret: “Fuq l-aħbarijiet smajna li kien hemm żewġt imwiet. Dawn kienu mwiet li m’għandhom xejn x’jaqsmu ma’ din il-marda, sarilhom is-swab però t-tnejn li huma ħarġu negattivi.”

Sa issa saru 1,799 test, fi sfond ta’ stampa aktar wiesa’ ta’ miżuri oħra biex inaqqsu l-impatt tal-coronavirus.

Il-Professur Gauci sostniet li l-miżuri qed jittieħdu b’mod proporzjonat għal kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *