Il-PM Robert Abela jiltaqa’ mal-Kamra tal-Kummerċ biex jiddiskuti l-impatt ekonomiku minħabba l-coronavirus – One News

Notifiki

Il-PM Robert Abela jiltaqa’ mal-Kamra tal-Kummerċ biex jiddiskuti l-impatt ekonomiku minħabba l-coronavirus

F’laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-ħaddiem għandu jerfa’ l-inqas piż kawża tal-impatt ekonomiku minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Filwaqt li appella għar-responsabilità mill-industrija kummerċjali f’mument delikat, fejn din is-sitwazzjoni laqtet lid-dinja kollha, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jkun hemm hekk biex jagħti l-għajnuna meħtieġa lill-industrija kummerċjali.

Il-Prim Ministru stqarr, “Sitwazzjoni li l-piż irid jiġi merfugħ mill-gvern, minn min iħaddem u l-inqas u jekk għandu jiġi merfugħ fil-verità mill-impjegat. Għax l-impjegat meta qegħdin nitkellmu fuq faxxa żgħira tal-impjegati huma l-aktar persuni li għandhom jiġu milquta negattivament.”

Dr. Abela rrimarka li l-Kamra tal-Kummerċ qed taħdem id f’id mal-Gvern biex pajjiżna jilqa’ għall-impatt ekonomiku.

Wara li s-Sibt li għadda l-Gvern ħabbar miżuri li qed jgħinu lin-negozji, Dr. Abela qal li bħalissa għaddejjin aktar diskussjonijiet sabiex il-gvern janalizza liema s-setturi l-aktar li intlaqtu negattiv sabiex il-gvern iniedi aktar miżuri ta’ għajnuna għan-negozji u intrapriżi.

Il-Prim Ministru aċċenna fuq ir-responsabilità li għandu fuq spallejh il-Gvern u l-komunità kummerċjali.

Kompla jgħid, “Ma nistgħux ngħidu li f’ġimgħa li kulħadd se jfalli, u ma nieħdux din is-sitwazzjoni partikolari tas-saħħa, fejn wieħed jipprova jagħsar u jikkapitaliza. Sitwazzjoni li ħadd m’hu jieħu pjaċir biha imma l-industrija trid tkun responsabbli u ma nistgħux nikkapitalizaw. U se nkun insistenti ħafna fuqha – l-gvern se jkun qed jerfa r-responsabilitajiet tiegħu.”

Minn naħa tiegħu l-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb ippreżenta lill-Prim Ministru u lill-Ministru għall-ekonomija Silvio Schembri, dokument bi proposti ta’ pjan ekonomiku.

Bil-Prim Ministru Robert Abela jgħaddi messaġġ ta’ kuraġġ lill-industrija kummerċjali.

Il-Prim Ministru sostna, “Industrija li b’mod ġenerali f’dawn l-aħħar ħames snin marret tajjeb ħafna. U hekk nieħdu pjaċir. Determinazzjoni tagħna li fi ftit tal-ġimgħat oħra nerġgħu back on track għas-sitwazzjoni li kienet qabel.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend