B’għafsa ta’ qalb jaħdem fi knisja vojta li suppost qed tipprepara għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid – One News

Notifiki

B’għafsa ta’ qalb jaħdem fi knisja vojta li suppost qed tipprepara għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid

Għalkemm fis-sitta ta’ filgħodu l-qniepen ta’ kuljum għadhom qed idoqqu l-paternoster sabiex isejħu lill-insara għall-quddiesa, fil-knejjes f’Malta u f’Għawdex bħalissa hemm jiddomina biss il-kwiet li taqtgħu b’sikkina.

L-imxija tal-coronavirus wasslet sabiex l-awtoritajiet tas-saħħa javżaw lill-Kurja Maltija sabiex jagħlqu l-knejjes għall-quddies minħabba saħħet il-poplu Malti.

Dan l-istazzjon żar il-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, li fiha hemm jispikka d-damask l-iswed, il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, is-sett tal-Via Sagra u s-sepulkru qed jintrama, iżda sfortunatament għalissa m’huma għal qima ta’ kważi ħadd.

Is-Sagristan tal-parroċċa Adrian Vella qalilna li s-soltu jkollu ruxmata nies imdawrin miegħu jgħinu iżda bħalissa s-sitwazzjoni titlob mod ieħor.

Huwa esprima d-dieqa tiegħu għaliex bħalissa suppost l-knisja tkun fl-aqwa tagħha tarma għall-aktar żmien qaddis tal-Kattoliċi, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid l-Kbir.

Is-Sagristan “Hi daqxejn sitwazzjoni tad-dwejjaq tiġi filgħodu hawn tiftaħ il-knisja, fejn is-soltu jkun hawn in-nies jistennew biex tiftaħ issa ma jkun hawn ħadd, jew ftit, erbgħa jew ħamsa. Hija sitwazzjoni anke bħalissa l-knisja tkun fullspeed eżerċizzi u affarijiet minn dawn…differenti jiġu nies jitolbu ftit.”

Is-sagristan qal li ħa vantaġġ minn din is-sitwazzjon hekk kif qed jagħmel affarijiet li qabel ma setax jagħmilhom.

Nisbarazza ftit l’hemm u l’hawn…iżda il-feel ma jkellekx qisek dik il-ħeġġa bħas-soltu u qabel kellek rankatura u issa trid tieqaf tħossha naqra hux.” Qal Vella.

Qal li n-nies li ta’ kuljum kienu jmorru jisimgħu l-quddiesa issa uħud qed imorru jitolbu quddiem is-sagrament.

Qal li hija għafsa ta’ qalb isegwi lis-saċerdot iqaddes mingħajr il-parruċċani quddiemu.

Is-Sagristan stqarr, “Bħal ma kienet qisu xokk għalija għalihom aktar minni għax dan jiltaqgħu man-noes ta’ kuljum, imorru iqarbnu lill-morda għax il-knisja dejjem għaddejja anke żjajjar għand familji fil-bżonn…huwa xokk għal kulħadd.”

Lis-Sagristan ħallejnih ikompli jaħdem għall-kwiet qalb il-vari.

Fuq wiċċu tispikka t-tama li tirritorna dik l-għada fejn il-Knisja terġa’ tkun mimlija ħajja kif jafha hu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend