Maltija ta’ 19-il sena pożittiva għall-Coronavirus

Tfajla Maltija ta’ 19-il sena hija t-tlettaxa-il persuna f’pajjiżna li rriżultat pożittiva għal Covid-19. Dan huwa każ ieħor ta’ Coronavirus impurtat lejn Malta.

It-tfajla vvjaġġat lejn Brussell bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu. It-tfajla ħasset l-ewwel sintomi tagħha, nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu.

Il-kundizzjoni tat-tfajla hija waħda tajba.

Intant, aktar kmieni llum tħabbar li fieqet l-omm tal-familja li kienet irriżultat pożittiv għal Coronavirus fl-ewwel każ ta’ pajjiżna nhar is-Sibt li għadda.

L-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw li l-mara rriżultat negattiv darbtejn f’testijiet li saru 24 siegħa ‘l bogħod minn xulxin. Għalhekk, skont il-linji gwida stabbiliti, din il-mara titqies li fieqet mill-Coronavirus.

Il-mara ħarġet mill-Isptar Mater Dei u qed tinżamm kwarantina fid-dar tagħha għal ftit jiem oħra bħala prekawzjoni sabiex l-awtoritajiet tas-saħħa jkomplu jsegwu s-sitwazzjoni.

Jibqa’ l-appell biex kulħadd isegwi d-direzzjonijiet li qed jingħataw mill-Gvern u l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, fost oħrajn biex tkun rispettata l-kwarantina mandatorja kif imħabbra, ma jsirux attivitajiet tal-massa u safar bla bżonn, u li l-anzjani kemm jista jkun jibqgħu fi djarhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend