Id-djalogu pubbliku, li jara l-kontribut attiv tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp tal-politika, huwa fundamentali għall-mod b’saħħtu u ġust fit-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod demokratiku.
Dan kien il-messaġġ sottolinjat mill-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli għad-Djalogu Soċjali Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi f’seminar organizzat mill-Malta-EU Steering Action Committee (MEUSAC).
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela rrimarka li l-Gvern qed iħares lejn modi kif jista’ jtejjeb il-kwalità tad-djalogu soċjali. Huwa enfasizza r-rwol essenzjali tad-djalogu soċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mas-suq tax-xogħol u mal-iżviluppi soċjali.
Huwa żied li d-djalogu soċjali huwa aspett fundamentali ta’ ekonomija tas-suq soċjali tajba, li ttejjeb il-prosperità ekonomika u l-benesseri soċjali.
Fi kliemu, “id-djalogu soċjali huwa kruċjali għall-kompetittività u l-ġustizzja tal-ekonomiji tagħna u għall-ħarsien tal-mod ta’ ħajja tagħna.”
Il-Ministru Carmelo Abela rringrazzja lill-MEUSAC għall-ħidma kontinwa tagħhom fl-esplorazzjoni ta’ modi dwar kif tista’ tissaħħaħ il-kapaċità ta ‘diversi organizzazzjonijiet fi ħdan is-soċjetà Maltija sabiex ikunu involuti fid-diskussjonijiet dwar proposti u politiki leġiżlattivi ewlenin tal-UE.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi rrimarka li dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €123,000 mill-Fond Soċjali Ewropew. Il-proġett ENGAGE kien mifrux fuq medda ta’ sentejn u fih ipparteċipaw aktar minn 50 organizzazzjoni mhux governattiva u msieħba soċjali, fejn permezz tal-fondi bbenefikaw minn għarfien tekniku dwar kif jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-fora nazzjonali u Ewropej.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li dan il-proġett għen minn żewġ aspetti differenti fejn offra taħriġ lill-impjegati tal-MEUSAC bħala l-entità li qed tagħti servizz, biex ittejjeb is-servizzi eżistenti, kif ukoll lil organizzazzjonijiet li gawdew minn seminars b’suġġetti speċifiċi bħal dak li kien organizzat illum.
Is-Segretarju Parlamentari temm billi sostna avvenimenti bħal tal-lum huma xempju ħaj tal-benefiċċju konkret li qed jirriżulta mill-użu effettiv tal-Fondi Ewropej minn dan il-Gvern, għall-ġid tas-soċjetà ċivili tagħna.
Iffukat fuq it-tisħiħ tad-djalogu pubbliku, il-proġett ENGAGE pprovda lill-membri tal-MEUSAC b’taħriġ dwar suġġetti relatati mar-rwol tagħhom fl-assistenza lill-partijiet interessati fil-proċess tad-djalogu soċjali.
Fl-għeluq tas-seminar li sar illum, kien hemm workshops li analizzaw t-tisħiħ tal-kapaċitajiet għal parteċipazzjoni ikbar mill-partijiet interessati fid-djalogu soċjali.