Il-Gvern nieda abbozz ta’ liġi ġdida dwar il-koabitazzjoni. Dan sabiex tieħu post u tindirizza nuqqas ta’ kjarezzi fil-liġi eżistenti.
L-avukat Desiree Attard mid-direttorat għad-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni spjegat li l-liġi l-ġdida se tirrikonoxxi forma waħda biss ta’ koabitazzjoni: dik regolata quddiem in-nutar. B’hekk bil-liġi l-ġdida l-koabitazzjoni unilaterali u dik de facto m’humiex se jkunu iktar regolati quddiem il-liġi.
Semmiet li l-persuni li jistgħu jikkoabitaw iridu jkunu koppji u importanti li ma jkunux diġa marbuta legalment ma’ persuna oħra.
Il-koabitazzjoni se tkun regolata b’mod semplici billi l-persuni jmorru quddiem in-nutar, jiddikjaraw li ma hemm xejn li jżommhom milli jidħlu fir-rabta u jingħataw sett ta’ dmirijiet u drittijiet.
Hawnhekk ukoll trid tiġi ddikjarata l-kumunjoni tal-assi u se tapplika għal propjeta akkwistata wara li jsir l-att tal-koabitazzjoni kif ukoll għal oġġetti mobbli.
Biex koabitazzjoni tkun xolta, irid isir rikors fil-Qorti fejn hemmhekk jiġu ssalwagwardjati l-interess ta’ kull parti inkluż l-ulied.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis qal li l-Gvern ddecieda li jkun hemm bidla fil-leġislazzjoni li hi iktar cara u li taqdi iktar il-professjonisti li jużawha. Dan wara konsultazzjoni mal-kunsill notarli u l-kamra tal-avukati.
Semma li l-Gvern wasal għal mudell car għal professjonisti u min jagħmel użu. Bil-Gvern se jkun qed iressaq u jgħaddi l-abbozz malajr sabiex tinstema’ l-karba tan-nies li mhux jinqdew bil-liġi eżistenti.
Qal ukoll li l-liġi l-ġdida se tmur pari passu mal-ugwaljanza għax kull familja hija ugwali u jisthoqqila d-drittijiet.
“Kull min hu vulnerabbli għandu jkollu dawn id-drittijiet għax aħna nirrispettaw l-għażliet tan-nies mhux nikkastigawhom,” temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.