Leanne, Mandy u Dorothy – L-ewwel pumpiera nisa fil-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta – One News

Notifiki

Leanne, Mandy u Dorothy – L-ewwel pumpiera nisa fil-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta

Leanne, Mandy u Dorothy kienu l-ewwel nisa pumpiera f’Malta li daħlu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Dan wara snin li d-dipartiment kien iddominat biss mill-irġiel.

Itqajna ma’ dawn it-tliet tfajliet waqt sessjoni ta’ taħriġ fl-istazzjon ta’ Ħal Far.

Leanne Newell li ssieħbet fil-Forza f’Settembru li għadda qaltilna li qiegħda timxi fuq il-passi ta’ missierha.

Dan għax sa minn ċkunita kienet tħuf fil-btieħi tad-dipartiment jew riekba f’vettura tat-tifi tan-nar.

Leanne stqarret magħna,“Tista’ tgħid kważi twelidt fid-dipartiment, għandi d-daddy diġà qiegħed parti mis-servizz, ilu hawn ħafna żmien. Żgħira dejjem niġri miegħu l-istations, fire engines u naħseb dejjem kien hemm dik l-imħabba li għal dax-xogħol ta’ avventura u li tista’ tgħin lin-nies bih.”

Leanne qaltilna li xogħolha jagħtiha ħafna sodisfazzjon, l-aktar meta jsalvaw persuna li tkun fit-tarf li titlef ħajjitha. Madankollu jħabbtu wiċċhom ukoll ma’ sitwazzjonijiet bħal dik tat-Tnejn li għadda fil-Ħamrun fejn Miriam Pace spiċċat mietet intortament waqt li kienet fil-kwiet ta’ darha.

Kompliet tgħid, “L-aħħar esperjenza li kelli, li żgur mhux ħa ninsiha kienet l-inċident ta’ nhar it-Tnejn tal-Ħamrun. Ġejna mgħajtin aktar tard aħna fil-ħin biex ngħinu għax kien hemm żewġ crews li diġà kienu ilhom qed ifittxu u x-shift tiegħi kien ġie mgħajjat bħala back-up biex inkompli ngħinuhom naqilgħu t-tifrik u nkomplu nfittxu.”

Mandy Briguglio, tfajla ta’ 22 sena, qaltilna li sa minn ċkunitha xtaqet tidħol għal din il-vokazzjoni biex tgħin persuni li ħafna drabi jkunu qegħdin jissieltu bejn ħajja u mewt.

Hi qalet, “Kont voluntiera mas-Saint John Rescue Corps, xogħol ta’ salvataġġ minn dejjem għoġobni u b’hekk imbagħad sirt naf bis-Civil Protection u għedt ħa nipprova u rnexxieli.”

Leanne qaltilna li minkejja li ilha ftit xhur fid-Dipartiment, il-kollegi sħabha rġiel ma jagħmlux distinzjoni. Qalet li kull fejn marret in-nies m’għadhomx jibqgħu mistgħaġba meta jaraw mara f’ħidma ta’ salvataġġ.

Stqarret, “U kurżità l-istess xogħol bħall-irġiel tagħmel? More or less iva, m’hemmx differenzi u dan huwa xogħol ta’ team work, jiġifieri aħna qatt mhu ħa nkunu qed nagħmlu xi ħaġa waħidna, as such, dejjem se jkollna sħabna warajna jew ħdejna qed jgħinuna, jiġifieri dejjem ħa jkun hemm l-għajnuna ta’ sħabna wkoll.”

Dorothy Sammut ukoll tgħid li minkejja li hija mara, qatt ma ħassitha differenti mill-kollegi tagħha.

Dorothy ikkonkludiet, “Qatt ma sibt diffikultà, l-aqwa li għamilt ix-xogħol tiegħi, dik hi l-aktar ħaġa importanti, qatt ma sibt problema.”

Leanne, Mandy u Dorothy qalu li għalkemm jaħdmu f’ambjent li huwa ddominat mill-irġiel, jaħdmu id f’id mal-pumpiera rġiel u saħqu li l-interess primarju tagħhom huwa li jagħtu l-aqwa servizz lil kull min isejħilhom għall-għajnuna. It-tliet nisa qalulna li jinsabu determinati li jkomplu b’ħidmiethom u ttamaw li jkun hemm aktar pumpiera nisa li jissieħbu f’dan id-dipartiment li tant huwa kruċjali biex isalva l-ħajjiet tan-nies.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend