Il-PM jsostni li s-saħħa hi prijorità u jsostni li m’hemmx lok għal paniku – One News

Notifiki

Il-PM jsostni li s-saħħa hi prijorità u jsostni li m’hemmx lok għal paniku

“Dan hu gvern iffukat, jaf preċiżament fejn sejjer, bi pjan ċar għal kull kontinġenza. Min-naħa tal-poplu, irrid li jkun hemm trankwillità. Serrħu moħħkom. Qed nagħtikom il-kelma tiegħi – is-saħħa tagħkom qegħda f’idejn sodi.”

Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt attività politika ġewwa r-Rabat.

Il-Prim Ministru spjega kif iċ-ċkejkna u l-ġenituri tagħha li ġew milquta bil-Coronavirus jinsabu fi stat tajjeb. Saħaq li dawn il-persuni segwew l-istruzzjonijiet kollha mid-Dipartiment tas-saħħa filwaqt li t-tifla ma marritx għall-iskola.

“Għalhekk nappella għall-kalma. Dan mhux mument ta’ paniku. L-agħar reazzjoni li jista’ jkollok bħalissa huwa paniku. Nifhem li jkun hemm il-biża’ imma m’hemmx lok ta’ paniku. Nappella li nirraġunaw b’mod razzjonali…Dan hu gvern serju, gvern li jipprepara għal kull eventwalita’, gvern li minn dejjem ikun fuq in-naħa korretta tad-deċiżjonijiet.”

Għalhekk, Robert Abela emfasiżża l-bżonn li nitkellmu b’mod realistiku. “Ejja ħa nitkellmu fuq ir-realta’. Il-Coronavirus mhix il-pesta. Mhix kundizzjoni jew marda li se tolqot lil kulħadd. Fatti juruna li 80% jfiequ mingħajr ħtieġa li lanqas imorru fi sptar. Il-perċezzjoni hija differenti. Il-fatti huma dawn. Dak il-persentaġġ ta’ persuni li jfiequ jkompli jiżdied f’pajjiż li għandu sistema ta’ saħħa b’saħħitha, bħal Malta.”

Il-Prim Ministru fisser li mhux biss m’għandux ikun hemm lok ta’ allarm iżda wkoll li l-ħajja tkompli għaddejja b’mod normali.

“Għada huwa jum ta’ xogħol normali filwaqt li nieħdu l-prekawzjonijiet kollha. Hekk isiru l-affarijiet f’soċjeta’ serja. Mhux ngħid li xejn mhu xejn imma npoġġi kollox fil-kuntest tiegħu. Inkunu preparati kif aħna. Ma preparajniex ilbieraħ jew il-ġurnata ta’ qabel. Ilna preparati sew. Mhux kellna l-ewwel każ u ma nafux x’laqatna. Konna preparati sew għal dak li se jiġri.”

Robert Abela qal li f’dan il-kuntest, hemm prinċipju fundamentali – “Is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi l-ewwel. Irrid li mmorru f’direzzjoni ta’ deċiżjonijiet meqjusa, dejjem fl-interess tas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi… Nappella għar-responsabilita’. Dan mhux il-mument fejn nippruvaw niskurjaw xi goals politiċi. Jiġi mument li l-ħidma tal-Gvern u l-ħidma tiegħi tiġi kkritikata. Dan mhux il-mument. Dan hu mument li qed nitkellmu dwar is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Intant waqt diskors fl-istess attivitá politika, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne tkellem dwar l-aħħar żviluppi tal-Coronavirus (Covid-19) f’pajjiżna.

Huwa saħaq li “dan mhuwiex mument ta’ partiġjaniżżmu imma mument fejn kulħadd jiġbed l-istess ħabel.”

Dwar il-każ tal-familja li lbieraħ rriżultaw pożittivi għall-Coronavirus id-Deputat Prim Ministru qal li f’dan il-każ partikolari “kollox mexa fuq ir-rubini” grazzi għall-preparamenti li għamel pajjiżna fl-aħħar xhur mindu beda jinxtered il-Coronavirus.

“Konnha nafu eżatt x’kellna nagħmlu u għamilnih bi professjonalitá kbira.”

Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li minn għada, kull persuna li tidħol fiċ-Ċentri tas-Saħħa u fl-Emerġenza se ssirilha screening biex mal-iċken dubju li tista’ tirriżulta pożittiv għall-Coronavirus, ma tiddaħalx fiċ-Ċentru mal-pazjenti iżda tidħol f’kamra t’iżolament mal-ewwel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend