Delia jgħid li Malta l-agħar fil-ħlas għan-nisa fl-UE – One News

Notifiki

Delia jgħid li Malta l-agħar fil-ħlas għan-nisa fl-UE

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia iddikjara li pajjiżna għandu l-ikbar distakk fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea.

Delia qal dan fl-Istamperija waqt li kien qed jindirizza attività politika fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara.

Madankollu l-aħħar ċifri tal-Eurostat juru li fl-elfejn u tmintax, Malta kellha d-disa’ l-inqas diskrepanza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa.

Delia qal, “Għandna l-agħar rekord tal-ħlas tax-xogħol lin-nisa, l-ikbar proporzjon fil-gender pay gap.”

Iżda għall-kuntrarju ta’ dan, il-Eurostat qal li l-ikbar distakk fil-pagi ġie rreġistrat fl-Estonja bi 22.7 fil-mija u fil-Ġermanja b’20.9 fil-mija.

Id-distakk fil-pagi f’MaltA kien ta’ 11.7 fil-mija, jiġiferi 3.1 fil-mija inqas mill-medja ewropea ta’ 14.8 fil-mija.

Fl-istess waqt il-Kap Nazzjonalista injora l-fatt li bis-saħħa tal-miżuri li daħħal dan il-gvern, in-numru ta’ nisa li jaħdmu żdiedu minn 45% għal 63%.

Fl-attivita tal-Ħadd Adrian Delia attakka wkoll ir-riforma dwar il-qasam tal-prostituzzjoni f’pajjiżna.

Riforma li se tieħu ħsieb u tipproteġi n-nisa vulnerabbli.

Iżda l-Kap Nazzjonalista qal li għal-Labour il-mara hija prodott.

Kompla jgħid, “Il-labour irid lill-mara prodott xejn iktar.”

Fid-diskors tiegħu Delia saħaq ukoll favur politika li tipproteġi lill-mara u l-irwol tagħha fid-dinja ta’ llum.

Dan meta fil-Parlament mar jivvota kontra l-emendi fil-liġi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika fl-2018.

Liġi li ħarxet bil-kbir il-pieni kontra kull xorta ta’ vjolenza domestika u li kien għalih u għall-Partit Nazzjonalista din il-liġi lanqas biss teżisti f’pajjiżna. Saħanistra kien iddikjara li kien kburi li opponiha.

“Ma taħsibx li dak il-vot kontra dik il-liġi wera nuqqas ta’ sensittivita lejn il-vittmi ta’ vjolenza domestika? Le ma naħsibx.” Qal Delia.

B’reazzjoni l-Partit Laburista qal li Adrian Delia għandu problema ta’ kredibilità u konsistenza u ma jista’ qatt ikun kredibbli meta jitkellem kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend