Roderick Grech li inqatel fl-età ta’ 26 sena f’Birkirkara, kien klinikament mejjet meta ddaħħal l-emerġenza.
Dan xehduh zewġ tobba mid-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar Mater Dei fil-ġuri ta’ Etienne Bartolo ta’ disgħa u tletin sena magħruf bħala l-vojt, li qed jiġi akkuzat bil-qtil ta’ Grech f’Marzu 2017.
Xehed it-tabib Thomas Armatis, li qal li f’dak illejl irċieva telefonata li kien hemm raġel qala daqqiet f’sidru.
Xehdet ukoll It-tabiba Rebecca Galea li spejgat lill-ġurati li Grech qala daqqiet f’għonqu u f’sidru.
Meta ddaħħal l-emerġenza, Grech ma kienx qed jieħu nifs u qalbu ma kinitx qed tħabbat, sakemm ingħata c-CPR u ttieħed fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera xehed ukoll l-espert teknoloġiku Martin Bajada li ezamina tlett mobiles li ġew esebiti fil-kaz.
Sab li f’wieħed mill-mobile phones kien hemm numri ssavjati bl-isem China, cinis2 u Raymond. Filwaqt li n-numru ta’ Jordan Azzopardi kien fil-mobile tal-akkuzat.
Roderick Grech kien instab ħdejn il-karozza tiegħu b’daqqiet ta’ sikkina f’sidru. Dakinhar, il-vittma kien lissen il-kliem “Vojt.”
Fil-ġuri ħareġ li Bartolo kellu argument mal-vittma minħabba ħlasijiet marbuta mad-droga.