Dalgħodu, Moviment Graffitti organizza protesta fil-Ħamrun, kontra l-iżviluppatturi, wara l-inċident traġiku ta’ nhar it-Tnejn li għaddha li fiha nħasdet l-ħajja ta’ Miriam Pace ta’ 54 sena.
Il-protesta saret fit-triq ħdejn ir-residenza tal-familja Pace. Fuq quddiem nett kien hemm it-tlett persuni li f’inċidenti separati s-sena li għaddiet tilfu r-residenza tagħhom minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biswit id-dar tagħhom.
Indirizzat il-protesta Caroline Micallef li fl-24 ta’ April tas-sena li għaddiet rat id-dar tagħha fi Gwardamangia taqa’ quddiem għajnejha u qalet li hi u l-familja tagħha baqgħu ħajjin b’miraklu.
Indirizza l-protesta ukoll Paul Vella li 20 sena ilu minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ħdejn id-dar tagħhom tilef lill-ommu u daru minħabba xogħol ta’ skavar. Qal li għadu qiegħed jistenna isir ġustizzja.
Paul Vella qal li jaqbdu l-bard x’ħin iħares lejn id-dar tal-familja Pace għax jiftakar minn dak li għaddiet minnhu familtu għoxrin sena ilu.