Wasal fl-aħħar fażi tiegħu l-proġett INISIE – One News

Notifiki

Wasal fl-aħħar fażi tiegħu l-proġett INISIE

Wasal fl-aħħar fażi tiegħu l-proġett INISIE, illi ġie iffinanzjat minn fondi Ewropej, fejn offra spazju għall-intrapriżi soċjali biex permezz tal-innovazzjoni jkomplu jikbru u jkunu jistgħu jikkompetu f’suq internazzjonali. Dan sar permezz tal-fond Interreg bejn Malta u l-Italja, fejn ħadu sehem fih 4 entitajiet, li huma Malta Enterprise u l-Kunsill Malti tal-Volontarjat, kif ukoll żewġ organizzazzjonijiet Taljani; Tree s.r.l. u Impact Hub Siracusa.

F’konferenza b’rabta ma’ dan il-proġett, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza li l-profit għandu jkollu skop, u saħaq li, “L-ekonomija għandha ddur madwar in-nies, mhux in-nies iduru madwar l-ekonomija.”

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-mudell ekonomiku li mxejna bih fil-passat, li kien ta’ suċċess speċjalment fin-numri, m’għadux suffiċjenti. Kompla billi saħaq li rridu nbiddlu d-direzzjoni li qed tieħu l-ekonomija tagħna, fejn irridu nassiguraw li nirrijorjentaw dan il-mudell, sabiex insibu bilanċ bejn is-suċċess tal-ekonomija u l-bżonnijiet tas-soċjetà.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima qal li l-innovazzjoni hija essenzjali għall-għaqdiet volontarji li jridu jlaħħqu mal-isfidi globali attwali u jżidu l-impatt tagħhom, filwaqt li jibqgħu relevanti f’kuntest li qed jinbidel.

“Minħabba l-fatt li d-dinja qiegħda tinbidel b’rata mgħaġġla, din qed tħalli impatt fuq diversi aspetti, u b’hekk il-ħtieġa għall-innovazzjoni qed issir aktar evidenti. F’dan l-ambjent, l-għaqdiet volontarji li qed jirnexxu huma dawk li dejjem qed ifittxu modijiet differenti ta’ kif jaħdmu u jkunu inovattivi,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima.

F’din il-konferenza, attenda wkoll il-membru parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, hekk kif fid-diskors tiegħu sostna li dawn l-innovazzjonijiet soċjali huma essenzjali għaliex jikkrekjaw relazzjonijiet soċjali importanti filwaqt li jiżguraw tkabbir fin-negozju.

Huwa qal li, filwaqt li għandna nkomplu nħeġġu li jsir iktar negozju f’pajjiżna, għandna naraw li n-negozji tagħna jaħdmu f’qafas li jirrispetta lis-soċjetà u l-kommunitajiet tagħna. “Il-proġett tal-ENISIE qed jgħin sabiex ikunu miġbura numru ta’ prattiċi tajba li ġew implimentati min-negozji u li ħallew impatt tajjeb ħafna għall-għanijiet ta’ żvilupp għas-soċjetà tagħna,” sostna l-Ewro-Parlamentari Alex Agius Saliba.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend