Il-kotba aktar viċin l-istudenti fil-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla – One News

Notifiki

Il-kotba aktar viċin l-istudenti fil-Kulleġġ Santa Margerita f’Bormla

L-iskola medja tal-Kulleġġ ta’ Santa Margerita introduċiet il-kunċett ta’ librerija f’kull klassi li fiha jiġu mgħallma l-lingwi.

Dan il-kunċett sar b’kollaborazzjoni bejn l-iskola u l-Aġenzija għal-Litteriżmu, u li qed jgħin sabiex iqajjem iżjed kuxjenza dwar l-importanza tal-letteratura.

Oliva Mifsud, għalliema tal-Ingliż fil-kulleġġ qalet li din l-idea qed twassal biex aktar studenti jfittxu l-ktieb.

Mifsud spjegat: “Hija idea li qed taħdem ħafna f’din l-iskola għaliex kemm l-għalliema u kemm l-istudenti laqgħuha b’entużjażmu u jisselfu regolarment u kulħadd jiġi entużjast jitkellem fuq il-ktieb li jkun qara.”

Iżda, ridna nkunu nafu wkoll x’benefiċċju qed jaraw l-istudenti permezz tal-librerija aktar qrib tagħhom.

Studenti li tkellimna magħha qaltilna: “Benefiċċju tajjeb ħafna għax hawn min lanqas għandu allura nħossu li għandna benefiċċji.”

Studenti oħra stqarrew: “Li nistgħu nitgħallmu aktar u anke min ma jkollux ħafna kotba d-dar jista’ jsib varjazzjoni hawnhekk u jkun hawn ħafna kotba sbieħ.”

“Biex nitgħallmu, meta jkollna study lesson noqogħdu naqraw u nkunu attenti għal xi lessons oħra u jekk ma nkunux nitgħallmuha mill-ktieb.”

Din l-inizjattiva qed tgħin biex tippromwovi l-imħabba lejn il-qari kif ukoll tara li tinkoraġġixxi lit-tfal biex iħarsu lejn il-ktieb bħala oġġett iktar pożittiv.

L-għalliema kompliet tgħid: “Meta l-istudenti jaqraw xi ktieb li għoġobhom, aħna dejjem inħajruhom imbgħad biex imorru l-librerija jew ifittxu kotba oħra tal-istess awtur, jiġifieri waħda qed tikkumplimenta lill-oħra.”

Waqt żjara fil-kulleġġ, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, tkellem mal-istudenti, l-għalliema u l-kapijiet tal-iskola u ra l-mod li bih qed titħaddem din is-sistema.

Il-Ministru qal li l-miri tal-Gvern huma li kull student ikun inkluż u mħeġġeġ sabiex joħroġ il-massimu tiegħu anke permezz tal-kotba.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend