Notifiki

Xogħlijiet artistiċi biex isebbħu l-inħawi tal-Marsa Junction Project


Infrastruttura Malta qed tistieden artisti, periti, disinjaturi u persuni jew organizzazzjonijiet kompetenti biex jipproponu xogħlijiet artistiċi kbar għat-tisbiħ taż-żoni bis-siġar u passaġġi madwar is-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project.

Spjega dan l-Inġinier Robert Schembri mill-aġenzija hekk kif il-proġett qed joqrob lejn it-tlestija tiegħu: “Infrastructure Malta qiegħda fl-aħħar fażijiet tal-flyovers tal-Marsa u ħsibna li nikkumplimentawhom billi nagħmlu installazzjonijiet artistiċi li jikkumplimentaw il-flyovers kif ukoll il-landscaping li se jkun hemm fil-futur.”

L-inġinier qal li permezz ta’ din is-sejħa għall-proposti b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, l-aġenzija se tidentifika sa erba’ xogħlijiet artistiċi.

Dawn se jitpoġġew fl-inħawi msebbħin bis-siġar u l-pjanti li qed tiżviluppa bejn Triq Aldo Moro, fil-Marsa u ċ-Ċimiterju tal-Addolorata, bħala parti mill-proġett ta’ €70 miljun biex ittejjeb l-iżjed junction li tintuża fis-sistema tat-toroq f’Malta.

Is-Sur Schembri sostna: “Ix-xogħol jikkonsisti f’installazzjonijiet artistiċi għoljin madwar ħames metru, b’dijametru ta’ 4 metri. Waħda minnhom partikolari fuq l-ilma għadira żgħira dijametru ta’ 10 metri. IM ħa tagħżel permezz ta’ bord tal-għażla b’nies speċjalizzati 4 xogħlijiet aritistiċi f’valur massimu ta’ 50,000 kull waħda.”

Is-sottomissjonijiet se jkunu skrutinizzati minn kumitat tal-għażla magħmul minn esperti tal-arti fost oħrajn.

Minn dawn se jintgħażlu sa massimu ta’ erbgħa biex jinħadmu mill-parteċipanti li jkunu pproponewhom u jitpoġġew fis-sit tal-proġett minn Infrastructure Malta sal-aħħar tas-sena.

L-Inġinier Schembri spjega li proposti li ma jintgħażlux se jkunu kkunsidrati għal żoni ta’ tisbieħ li huma parti minn proġetti oħrajn.

Id-deċiżjoni tal-kumitat se titħabbar f’Ġunju.

Huwa spjega li Infrastructure Malta se tipprovdi lill-parteċipanti rebbieħa l-fondi meħtieġa biex jaħdmu x-xogħol artistiku tagħhom fi żmien sitt xhur. L-aġenzija se tħejji wkoll dak kollu meħtieġ fil-post fejn se jitqiegħdu fis-sit tal-Marsa, inkluż tħawwil ta’ siġar u pjanti, passaġġi, u d-dwal fil-madwar, biex ix-xogħol artistiku finali jkun jista’ jitpoġġa f’postu malli jitlesta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend