Waħda mill-ġonot tal-interconnector lesta iżda x-xogħol waqaf minħabba l-maltemp – One News

Waħda mill-ġonot tal-interconnector lesta iżda x-xogħol waqaf minħabba l-maltemp


Wasal f’nofs triq ix-xogħol ta’ tiswija fuq l-interconnector bejn Malta u Sqallija wara li tlesta x-xogħol fuq l-ewwel ġonta. Dan wara li l-cable ttella’ minn fond ta’ 150 metru.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jason Vella spjega li x-xogħol beda minnufih malli ġiet identifikata l-ħsara li saret minn ankra ta’ bastiment f’Diċembru li għadda.

Huwa spjega: “Il-ġonta fuq in-naħa ta’ Malta hija lesta u l-cable l-ġdid qiegħed ukoll imqabbad mal-interconnector li hemm taħt il-baħar.”

Madankollu spjega wkoll li minħabba l-maltemp li qed ilaħħaq il-forza 7  bejn il-fliegu ta’ Malta u Sqallija, ix-xogħol li mistenni jiswa €11-il miljun kellu jieqaf temporanjament.

Is-Sur Vella kompla jfisser: “Fil-fatt għamilna pause żgħira fuq ix-xogħlijiet. Ma jistax ikollok il-cable li ttella’ minn qiegħ il-baħar kif tridu jissewwa meta ma jkollokx ċerta stabbiltà fuq fejn qed isiru x-xogħlijiet.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Vella sostna li sakemm waslet il-parti l-ġdida tal-cable fuq il-post, beda jittella’ l-cable minn ġot-trinka li jinsab fiha. Fakkar li l-Enemalta għadha żżomm ir-riserva ta’ Delimara sabiex iżżomm is-sigurtà fuq il-provvista tad-dawl.

Il-Ministru tal-Enerġija Michael Farrugia spjega li minkejja l-maltemp, ix-xogħol xorta se jitlesta qabel ma kien ppjanat.

L-Onor. Farrugia sostna: “Naħseb tajjeb illi nfakkar li meta ġara l-inċident konna qed nikkalkulaw li hemm ċans minimu ta’ 6 xhur biex jissewwa l-interconnector. L-interconnector se jitlesta fi żmien tliet xhur.”

Il-Ministru Farrugia tenna li għandu bżonn isir aktar investiment biex f’każ ta’ inċident ieħor fuq l-interconnector pajjiżna jibqa’ kapaċi jiġġenera l-elettriku kollu li jkollu bżonn b’mod indipendenti.

Mistoqsi dwar l-istudju li qed isir dwar il-ġenerazzjoni tal-elettriku, Farrugia spjega li mhux għaqli li jitpoġġa interconnector ieħor fl-istess rotta.

Madankollu Farrugia spjega li l-istudju qed iħares lejn modi oħra ta’ ġenerazzjoni fosthom l-Idroġenu.

Waqt li nnota li bejn l-2014 u l-2018 id-domanda għall-elettriku żdiedet b’20%, qal li se jsir investiment sostanzjali fl-enerġija li tiġġedded. Ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se joħorġu aktar skemi bil-għan li dawk li ma jkollhomx bejt ikunu jistgħu ukoll jinvestu fl-enerġija rinnovabbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend