Se jirritorna l-kunċert ta’ ‘The Travellers’ u ‘Red Electrick’ – One News

Notifiki

Se jirritorna l-kunċert ta’ ‘The Travellers’ u ‘Red Electrick’

Sena ilu, tnejn mill-iktar bands popolari fi xtutna ngħaqdu flimkien u nedew kollaborazzjoni li ħadd ma kien qiegħed jistenna; Red Electrick u The Travellers taw lil ammiraturi tal-mużika lokali xi ħaġa li mingħajr ma kienu jafu li xtaqu jew riedu.

‘1’ kien kunċert kollaborattiv u kien l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’pajjiżna għaliex iż-żewġ gruppi li flimkien jammontaw għal ħdax-il mużiċist, kienu fuq palk wiehed fl-istess ħin jagħtu l-prestazzjonijiet tagħhom ta’ siltiet li huma magħrufin l-iktar għalihom. Dan il-kunċert mhux biss għaqqad l-ammiraturi taż-żewġ gruppi flimkien taħt saqaf wieħed imma għaqqad ukoll żewġ lingwi minħabba li The Travellers magħrufin għal siltiet bil-Malti u Red Electrick b’siltiet bl-Ingliż. Kien hemm xi ħaġa wisq speċjali u maġika meta nstema’ Joe Roscoe ta’ Red Electrick ikanta ‘Ersaq fil-qrib’ u Chris Gatt ikanta ‘Young Again’, kienu mumenti fejn tħossok qisek qed tisma’ s-siltiet għall-ewwel darba. Indubbjament li dawk li attendew dan il-kunċert li kien totalment mibjugħ, ħadu gost b’xow spettakkolari li wera kemm hu b’saħħtu t-talent lokali.

F’April ‘1’ ser jerġa’ jirritorna, ikbar u aħjar u kemm-il membri ta’ The Travellers kif ukoll ta’ Red Electrick qegħdin jaħdmu bla waqfien biex jagħtu lil ammiraturi taghħhom lejl memorabbli ieħor. Il-kunċert qed jittella’ bl-appoġġ ta’ Festivals Malta u din id-darba ser ikun qed isir ġewwa l-MFCC f’Ta Qali fl-4 t’April.

Iktar informazzjoni toħroġ fil-jiem li ġejjin dwar ix-xiri tal-biljetti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend