L-MCAST b’korsijiet ġodda relevanti għar-realtajiet soċjali, ekonomiċi u industrijali ta’ Malta – One News

L-MCAST b’korsijiet ġodda relevanti għar-realtajiet soċjali, ekonomiċi u industrijali ta’ Malta


Fil-kampus ta’ Raħal Ġdid ġie mniedi l-prospectus tal-MCAST għall-korsijiet part time.

Fih hemm aktar minn 300 kors, fosthom 27 kors ġdid, fosthom 7 fl-avjazzjoni u 5 fuq il-loġistika.

Il-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur Joachim Calleja saħaq li l-industrija qed titlob dawn it-tip ta’ korsijiet. Huwa spjega: “Dawn huma żewġ oqsma li l-industrija qed tiġri warajna għax trid aktar nies jaħdmu fiha u allura aħna ħasseja l-ħtieġa bħala l-MCAST, aħna nirrispondu dejjem għal ħtiġijiet li jkollha l-industrija, illi noħolqu dawn ix-short courses illi ‘l quddiem għandna l-pajn illi jkunu wkoll li nsejħulhom regular courses.”

Il-Prinċipal kompla jispjega li d-domanda għall-ħaddiema fis-settur tal-avjazzjoni u l-loġistika tant hi kbira illi l-istudenti li japplikaw għal dawn il-korsijiet ikollhom ix-xogħol jistennihom. Huwa tenna: “Nixtiequ nattiraw dawk il-ġuvintur u tfajliet illi jixtiequ jidħlu f’dawn iż-żewġ setturi partikolari fejn nistgħu niggarantulhom xogħol mal-ewwel mument illi jidħlu l-MCAST u jieħdu dawn il-korsijiet.”

L-MCAST qed toffri 18-il kors f’livell ta’ Baċċelerat u 12-il kors f’livell ta’ Masters filwaqt li fl-Istitut li għandha f’Għawdex hemm tlieta u tletin kors ieħor.

Fid-dawl li mal-4,500 persuna japplikaw għall-korsijiet part time, fejn ħafna minnhom ikunu ħaddiema li jkunu jridu jtejbu l-ħiliet tagħhom, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Owen Bonnici, qal illi t-tkabbir ekonomiku wassal għal ħtiġijiet ġodda fis-settur edukattiv.

Is-Sur Calleja temm jispjega: “Dan huwa kollu xogħol importanti li jressaq flimkien il-bżonnijiet tal-industrija biex l-ekonomija tibqa’ tikber u l-bżonnijiet tal-persuna individwali li tkun tixtieq tkompli tavvanza fix-xogħol tagħha.”

L-applikazzjonijiet għall-korsijiet tal-MCAST se jiftħu nhar it-Tnejn li ġej u fost l-oħrajn wieħed jista’ japplika online.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend