Ir-riżenja ta’ Portelli toħloq inkwiet ġdid fil-PN – One News

Ir-riżenja ta’ Portelli toħloq inkwiet ġdid fil-PN


Ir-riżenja ta’ Marthese Portelli minn Deputat Nazzjonalista kompliet iżżid il-firda fil-Partit Nazzjonalista bil-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħareġ jakkuża lil Deputat tal-fazzjoni ta’ Busuttil b’mibegħda u b’aġenda moħbija.

Fi stqarrija fuq Facebook, Portelli ħabbret li kienet għarrfet lill-Ispeaker Anġlu Farrugia bir-riżenja tagħha minn Deputat Parlamentari.

Minnufih wasslet ir-reazzjoni tad-Deputat Jason Azzopardi li ħa l-okkażjoni biex jerġa’ jiftħilha kontra Delia.

Qal li l-grupp parlamentari Nazzjonalista tilef deputat ħabbrieki u intelliġenti minħabba ħaddieħor. Qal li bħal oħrajn fil-Partit qed iħossu mdejjaq bid-deċiżjoni ta’ Marthese Portelli u l-istat ta’ fatt li wassal għad-deċiżjoni tagħha. Qal iżda li ma kienx sorpriż sa barra u staqsa xi jrid iseħħ iktar biex jinfetħu l-għajnejn u jirtabu l-irjus.

Adrian Delia wieġeb għal dan l-attakk fi stqarrija li ħareġ biex jirreaġixxi għar-riżenja ta’ Portelli. B’referenza ċara għad-deputati tal-fazzjoni Busuttil, qal li Marthese Portelli ħaddmet politika ta’ djalogu mhux ta’ mibegħda u konfront li ma jwassal għal imkien. Żied li ma Marthese kien jaf fejn hu għax kienet tikkritikah b’mod kostruttiv u mingħajr aġenda moħbija.

Fl-aħħar ġimgħat għamel akkużi simili wara li Azzopardi għaqqad grupp ta’ Deputati kontrih biex iwarrab minn Kap tal-Partit.

Intant ma’ Azzopardi ngħaqdet ukoll id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.

Fuq Facebook qaltilha li tittama li din id-deċiżjoni ġġibilha s-serenità.

Hija tellgħet ukoll ritratt tagħhom flimkien u mal-eks Segretarju Ġenerali Rosette Thake biex tfakkarha fi żminijiet sbieħ.

Messaġġ li bħal dejjem wassal għal barax ta’ kritika fosthom ta’ Charmaine Aquilina persuna qrib ħafna ta’ Adrian Delia. Qaltilha li dan kollu tort tal-egoiżmu tal-fazzjoni ta’ Busuttil li wasslet biex nies validi bħal Marthese u oħrajn jitilqu mill-Partit Nazzjonalista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *