Daqshekk se jinżammu żgħażagħ mal-anzjani f’San Vinċenz – One News

Daqshekk se jinżammu żgħażagħ mal-anzjani f’San Vinċenz


Il-proġett Narċis f’Vinċenz de Paule qed ikompli jieħu l-ħajja sabiex f’Mejju li ġej jidħlu fih l-ewwel għadd ta’ persuni iżgħar mill-età iżda minħabba d-diżabbiltà qed jgħixu f’San Vincenz de Paule.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de Paul Josianne Cutajar spjegat li din ir-residenza se tkun qed tieħu post sala antika u fiha se jkunu jistgħu joqgħodu 16-il persuna. Hija spjegat: “Ħa jkun proġett innovattiv għal Malta fejn persuni żgħar li b’xi inċident spiċċaw b’livell t’dipendenza għolja u li bħalissa jiġu ġo San Vinċenz biex jgħixu fis-swali tagħna u qed jgħixu mal-anzjani se jkollhom dar mgħammra bl-aħħar teknoloġija biex jiġu rijabilitati u fejn nistgħu nerġgħu nibgħatuhom lura fil-komunità.”

James Carabott li huwa wieħed mill-kordinaturi ta’ dan il-proġett spjega li f’din id-dar se jkunu qed jiġu installati diversi aġġeġġi teknoloġiċi bħal Alexa li se jkunu qed jassistu lir-residenti fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Huwa fisser: “Dawn l-affarijiet li nsibu main stream illum il-virtual intelligent system bħal Alexa u sistemi oħrajn li int tikkomunika magħhom biex tixgħal l-AC, tixgħel TV, taqleb stazzjonijiet tixgħel id-dawl u allura l-bniedem ikollu aktar assistenza fil-bżonnijiet tiegħu ta’ kuljum.”

Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis laqa’ dan il-proġett u tenna l-impenn tal-Gvern fis-settur. Spjega li bħalissa l-iżgħar persuna ġewwa San Vinċenz għandha tlieta u għoxrin sena u b’dan il-proġett din mhux se tibqa’ tgħix f’sala qalb l-anzjani.

L-Onor. Parnis sostna: “Ma nistax inħallat persuna ta’ 85 sena ma persuna ta’ 23 sena. Bħal pereżempju ma nistax niġi aċċettat u qed naħdem fuqha illi koppji jgħixu f’residenza ma jgħixux fl-istess kamra. Jiena naħseb li dan huwa settur li rridu naħsbu wkoll fl-affarijiet iż-żgħar li għal dawk involuti ikunu kbar.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend