8 minn kull 10 Maltin jgħidu li l-ekonomija sejra tajjeb – Ewrobarometru – One News

8 minn kull 10 Maltin jgħidu li l-ekonomija sejra tajjeb – Ewrobarometru


Tmienja minn kull għaxar Maltin jemmnu li l-ekonomija Maltija hija tajba u jinsabu ottimisti. Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Ewrobarometru li kklassfika lil pajjiżna fil-ħames post minn fost il-pajjiżi Ewropej b’riżultat li jiżboq ferm il-medja Ewropea.

Filfatt, filwaqt li l-medja ta’ ċittadini Ewropej għandhom fiduċja ta’ 47% fl-ekonomija ta’ pajjiżhom, 81% tal-Maltin jemmnu li s-sitwazzjoni ekonomika ta’ pajjiżna hija b’saħħitha.

Il-maġġoranza tal-Maltin jemmnu wkoll li l-ekonomija Maltija mistennija tibqa stabbli.

Tal-istess fehma kien wieħed mir-riċerkaturi ewlenin ta’ dan l-istħarriġ fejn spjega li minkejja li fiż-żmien li sar dan l-istudju lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet pajjiżna kien għaddej minn żmien pjuttost turbolenti, l-ekonomija ta’ pajjiżna baqgħet soda.

Ir-Riċerkatur Lawrence Zammit spjega: “Li kkontribwixxa għal dan kollu partikolarment fuq l-ekonomija hija l-esperjenta ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar snin illi avolja forsi kellna xi diffikultajiet fil-pajji’ l-ekonomija baqgħet b’saħħitha. Dan huwa sinjal pożittiv ferm u kif qed tgħid inti avolja wieħed jara tnaqqis fl-opinjoni pożittiva mis-sena ta’ qabel xorta għadna ferm ogħla sew mill-medja Ewropea u ferm ogħla mill-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.”

Il-Maltin kellhom l-istess fehma fejn jidħol is-suq tax-xogħol fejn 77% jaħsbu li dan is-settur sejjer tajjeb ħafna.

Ħareġ ukoll li disgħa minn kull għaxar Maltin qalu li sitwazzjoni personali tagħhom hija tajba b’87% tal-Maltin jgħidu li s-sitwazzjoni finanzjarja fid-dar tagħhom hija tajba ħafna.

L-istess stħarriġ innota wkoll li l-Maltin għandhom aktar fiduċja fil-Gvern meta mqabbel ma ċittadini oħra Ewropej. Filfatt filwaqt li 51% tal-Maltin jimmnu fil-Gvern il-medja Ewropea hija ta’ 34%.

Il-Maltin għandhom aktar fiduċja mill-medja Ewropea fejn jidħlu l-Qrati, il-Parlament, l-Amministrazzjoni Pubblika, l-Partiti Politiċi u l-Unjoni Ewropea flimkien mal-istituzzjonijiet tagħha.

Madankollu dan is-sentiment pożittiv naqqas ferm fejn tidħol il-midja f’pajjiżna hekk kif huma 28% biss li javdaw lill-ġurnali stampati, differenza ta’ kważi għoxrin fil-mija meta mqabbel mal-medja Ewropea.

Fost il-mezzi tax-xandir 72% tal-Maltin isegwu avvenimenti u l-aħħar żviluppi politiċi permezz tat-televiżjoni, 52% fuq il-midja soċjali u portals online u 50% fuq ir-radju.

Huma biss 22% li jużaw il-ġurnali stampati bħala sors tal-informazzjoni.

F’Novembru li għadda, fil-jiem ta’ wara li ġie arrestat l-allegat mandant tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-maġġoranza assoluta ta’ dawk mistoqsija kienu l-aktar preokkupati bis-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni f’pajjiżna.

Madankollu f’dan is-settur, 75% tal-Maltin jemmnu li għandna nassistu lir-refuġjati, 77% jemmnu li għandhu jkun hemm liġi komuni Ewropea dwar l-immaniġjar tal-immigranti.

L-ambjent ukoll inagħta priorità fejn 71% tal-Maltin semmew il-ġlieda kontra l-plastik li jintuża darba waħda biss u aktar minn nofs tan-nies li ħadu sehem fl-istħarriġ tkellmu favur l-enerġija rinovabbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend