L-Aġenzja Sapport qed tagħmel sejħa għal voluntiera sabiex jingħaqdu mat-tim ta’ Sharing Lives – One News

Notifiki

L-Aġenzja Sapport qed tagħmel sejħa għal voluntiera sabiex jingħaqdu mat-tim ta’ Sharing Lives

L-Aġenzja Sapport qed tiftaħ sejħa għal voluntiera sabiex jingħaqdu mat-tim ta’ Sharing Lives. L-għan ta’ Sharing Lives, wieħed mis-servizzi li toffri l-Aġenzija Sapport lil persuni b’diżabilità, hu li joħloq opportunitajiet fejn voluntiera u persuni b’diżabilità jaqsmu esperjenzi flimkien, u joħloq kuntatt soċjali speċjalment għal dawk il-persuni b’diżabilità fejn is-sapport huwa limitat jew mhux eżistenti. Dawk li jixtiequ jagħtu ftit mill-ħin tagħhom fosthom studenti, professjonisti, organizzazzjoniet kemm minn Malta u anke minn Għawdex, biex jikkollaboraw ma’ Sharing Lives biex tinħoloq xi attività għall-persuni b’diżabilità huma mitluba jikkuntattaw lill-Aġenzija Sapport fuq 2256 8000 jew permezz ta’ email fuq [email protected]

Jingħata t-taħriġ meħtieġ lill-voluntiera kif ukoll superviżjoni u sapport kontinwu biex l-esperjenza tkun ukoll opportunità għall-voluntier biex jikber personalment. Voluntiera jistgħu wkoll ikunu studenti fl-iskejjel postsekondarji u fl-Università. Jingħata ċertifikat lil dawk li jkunu taw 30 siegħa jew aktar ta’ servizz. Fl-aħħar xhur dan is-servizz ġie estiż ukoll f’Għawdex. Għalhekk din is-sejħa hi wkoll għal voluntiera f’Għawdex.

Il-qofol tas-servizz Sharing Lives hu li jinħolqu attivitajiet soċjali li jżidu l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità kif ukoll jagħtuhom l-opportunità li jiffurmaw ħbiberiji. Matul l-2019, is-servizz Sharing Lives irċieva l-kontribut ta’ 26 voluntier, kemm Maltin kif ukoll barranin. Permezz ta’ dawn il-voluntiera u l-ħaddiema fi ħdan l-Aġenzija Sapport li jmexxu dan il-programm, matul l-2019 ibbenefikaw 78 persuni b’diżabilità.
Ġew organizzati diversi attivitajiet fosthom sessjonijiet ta’ rugby, BBQs, sajd, trekking, attendenza f’kunċerti u attivitajiet nazzjonali bħal Rockestra, Isle of MTV u Military Tattoo. Fl-aħħar xhur spikkat ukoll iż-żieda f’kollaborazzjonijiet ma’ organizazzjonijiet oħra bħal Noah’s Ark, Youtheme Foundation, YMCA, Sedqa, u Brain’s Foundation.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit tal-Aġenzija www.sapport.gov.mt jew isegwi l-Aġenzija Sapport fuq il-midja soċjali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend