BIL-FILMAT: Investiment ta’ €2 miljuni u nofs ta’ fondi Ewropej sabiex sar restawr estensiv fin-naħa t’isfel tal-Belt – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Investiment ta’ €2 miljuni u nofs ta’ fondi Ewropej sabiex sar restawr estensiv fin-naħa t’isfel tal-Belt

Tlesta xogħol ta’ restawr estensiv fin-naħa ta’ isfel tal-Belt Valletta b’investiment ta’ żewġ miljuni u nofs f’fondi Ewropej.

Fost oħrajn ġie rrestawrat is-swar, il-Berġa tal-Baviera, House of Catalunya u sar kilometru ta’ pavimentar tul iż-żona ta’ Marsamxett.

Dan ix-xogħol isegwi dak li digà sar fuq il-Berga ta’ Aragona u l-koppla ikonika tal-Knisja tal-Karmnu.

F’konferenza tal-aħbarijiet fl-isfond ta’ fejn sar ix-xogħol, iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Rigenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Gino Cauchi, qal li l-interventi saru b’tali mod li ġie rrispettat l-aspett kulturali u l-wirt storiku tal-Belt Valletta.

Qal li f’sena u nofs tlesta r-restawr tas-swar minn Sant’Iermu sa Pjazza Mattia Preti fl-istess waqt li nżergħu wkoll numru ta’ siġar ġodda li meta wieħed jgħoddhom flimkien jirriżulta li hemm ħafna iktar siġar minn kemm kien hemm qabel beda l-proġett.

Fil-fatt inżergħu wkoll aktar minn mija u għoxrin siġra indiġena.

“Sar ħafna xogħol ta’ restawr fuq aspetti kulturali li hawn fiż-żona ta’ Marsamxett. Iż-żewġ miljuni u nofs ikopru kemm is-swar, kif ukoll is-celiport, il-Berġa tal-Baviera, House of Catalunya u l-paveimentar kollu tul Triq Marsamxett.”

Il-Ministru Ian Borg qal li dawn il-fondi ntużaw biex jagħtu dehra isbaħ u jgħinu jistimulaw iżjed investiment mill-privat f’din iż-żona tal-kapitali. Il-kapitali li fi kliemu, mhux biss reġgħet ħadet il-ħajja u qed tara attività ekonomika bla preċedent, imma wkoll għandha trasport sostenibbli.

“Il-GHRC għaddewli rapport, bdew jaħdmu fuq kif nistgħu nsibu bilanċ bejn min iqassam ix-xogħol, min iqassam il-prodotti, min iqassam is-servizzi, min jidħol iżur il-Belt, min jgħix fil-Belt, huwa ċar li hemm bżonn nerġgħu niddiskutu b’konsultazzjoni wiesa’ biex inkomplu nsibu l-bilanċ.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett introduċa mod ġdid ta’ kif issir ir-riġenerazzjoni, u fakkar kif dawn iż-żewġ miljuni u nofs huma parti minn investiment ferm akbar ta’ fondi Ewropej ta’ erbgħa u għoxrin miljun ewro.

“Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħsieb hu li jkollna riġenerazzjoni favur in-nies, riġenerazzjoni biex insebbħu l-Belt Valletta u nkomplu nagħtu ħajja ġdida lill-Belt Valletta però fiċ-ċentru ta’ kollox ikunu r-residenti li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.”

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply to Matteotti Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend