Fl-aħħar xhur, il-ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettqu bosta xogħlijiet biex neħħew periklu li kien qiegħed jinħoloq bi blat li kien qiegħed jitnawwar fi Triq l-Istazzjon fl-Imtarfa.
Ix-xogħlijiet saru b’nefqa ta’ mija u għoxrin elf ewro u saħħew is-sigurtà mhux biss għas-sewwieq li jgħaddu minn din it-triq, iżda wkoll persuni li jħobbu jmorru jimxu f’dawn l-inħawi sbieħ ta’ din il-lokalità.
Il-Perit Mario Ellul li kien responsabbli mill-proġett qal li din il-problema ġiet indirizzata b’tip ta’ konkrit li nżebagħ biex jintegra mal-blat eżistenti waqt li ttieħdu għadd ta’ kampjuni tal-blat qabel ma sar dak li jissejjaħ rock bolting biex jimmassimizaw u fl-istess ħin jassiguraw li ma ssir l-ebda ħsara/ Fl-istess waqt twaħħlet xibka tal-azzar ta’ madwar 900 metru biex jiġi evitat kull periklu.
“Għamilna żewġ tipi ta’ interventi wieħed minnhom huwa shot creteing li jgħaqqad il-blat kollu flimkien u ma jħallihx iktar jiddetorjarha u jaqa’. Kif ukoll protezzjoni permezz ta’ xibka tal-istainless steel illi jekk jaqa’ ġebel dan jinżamm minn din ix-xibka u ma jaqax fuq il-karozzi jew fuq in-nies eċċ.”
Il-proġett inkluda wkoll il-ħolqien ta’ passaġġ pedonali segregat mat-triq, titjib fis-sigurtà tat-taraġ li jagħmel mat-triq u t-twaħħil ta’ dawl adegwat/
Akkumpanjat mis-Sindku tal-Imtarfa Daniel Attard u l-kunsillieri tal-lokal, waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal dan kien investiment ieħor għall-komunitajiet.
“Bħala gvern nisimgħu l-komunitajiet, nisimgħu t-talbiet tal-kunsilli lokali li fl-aħħar mill-aħħar qed jitkellmu f’isem ir-residenti. Residenti tal-Imtarfa kellhom id-dispjaċir li ma jistgħux jibqgħu jgħaddu minn din it-triq minħabba l-periklu. Allura l-interventi illi saru dan ser inkomplu nagħmluh b’iktar investiment infrastrutturali ġol-kumunitajiet tagħna speċjalment fejn tidħol is-sigurtà.”
Il-Ministru Borg qal li bħalissa d-Dipartiment għaddej b’ħafna riċerka u xogħol biex iwettaq dawn ix-xorta ta’ interventi bħala sar f’Għar Lapsi u St Peter’s Pool f’Delimara.