Fi tmien ġimgħat mindu daħlet fis-seħħ il-liġi tal-kera, ġew irreġistrati tlett elef u sitt mitt proprjetà.
Tlieta u għoxrin fil-mija tal-kuntratti, huma ta’ sidien li qed ifittxu kirjiet ta’ sentejn jew aktar.
L-aktar lokalità popolari għar-reġistrazzjoni tal-kirjiet hija San Pawl il-Baħar, bi sbatax fil-mija. Isegwuha hemm il-lokalitajiet ta’ Tas-Sliema, l-Imsida u Wied il-Għajn.
Ħamsa u tmenin fil-mija tal-kuntratti, ma jaqbżux l-elf ewro fix-xahar, u l-proprjetajiet ivarjaw minn appartamenti sa vilel lussużi.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-uffiċini tal-Awtorità tad-Djar, il-Ministru għall-Akkomodazzjoi Soċjali, Roderick Galdes, qal li s-suq wieġeb b’mod pożittiv, u spjega kif dan is-suċċess huwa xhieda tal-organizzazzjoni bla preċedent li teżisti fl-Awtorità.
Spjega li l-introduzzjoni tal-liġi wasslet biex tneħħiet faxxa ta’ nies li ma kinux qed jiddikjaraw it-taxxa tal-kera, filwaqt li l-inkwilin qed jibbenefika minn aktar sussidju.