Carmel Agius, l-għalliem tal-Arti ta’ tnejn u ħamsin sena li t-Tnejn li għadda nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li waqt lezzjonijiet li kien jagħti fil-privat, abbuża sesswalment minn ħamest studenti bniet, kien sospiż minn xogħlu fi Frar tas-sena li għaddiet.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija spjegaw li Agius tressaq għall-ewwel darba l-qorti dwar akkużi simili li saru kontrih fl-2018.
Dan wara li tressaq rapport simili lis-Servizzi għall-Protezzjoni tat-Tfal fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ.
Agius kien jagħti servizz bħala għalliema tal-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Madankollu fl-istess xahar li sar l-ewwel rapport kontrih, huwa ġie dirett jagħmel xogħol alternattiv mhux fi skola.
L-istess sorsi spjegaw li minħabba li Agius tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ, huwa ġie sospiż minn xogħlu, b’mod immedjat skont il-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku fi Frar tas-sena l-oħra.
Is-Sur Agius ġie formalment imfakkar li f’każ li kien se jagħmel xogħol privat, kellu jitlob l-approvazzjoni skont il-Kodiċi tas-Servizz Pubbliku.
Madankollu, l-istess sorsi qalu li Agius qatt ma talab din l-approvazzjoni biex seta’ jagħmel xogħol privat kif baqa’ jagħmel fi skola privata li għandu fil-Fgura u fejn allegatament seħħ l-abbuż.