BIL-FILMAT: “Wegħedna li kif ikollna każ tal-Coronavirus se ninfurmaw mal-ewwel” – is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika – One News

BIL-FILMAT: “Wegħedna li kif ikollna każ tal-Coronavirus se ninfurmaw mal-ewwel” – is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tenniet li l-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu qed jinfurmaw lill-pubbliku mal-ewwel kemm-il darba jfeġġ każ tal-coronavirus f’pajjiżna.

Il-Professur Gauci sostniet dan l-Erbgħa filgħodu fil-programm ONE Breakfast.

“Aħna wegħedna xi ħaġa, wegħedna lin-nies li aħna jekk ikollna każ ħa ninfurmaw mill-ewwel, jiġifieri għalxejn qegħdin induru fuq is-social media, fetħu ħafna groups fuq is-social media, qed joħolqu ħafna iktar allarm. Aħjar nużaw dak il-ħin li qegħdin nużaw biex noħolqu dan l-allarm biex nikkoperaw man-nies kollha u b’hekk nistgħu naffaċċjaw din is-sitwazzjoni.”

Il-Professur Gauci spjegat ukoll li kemm il-darba jfeġġ każ, l-awtoritajiet tas-saħħa huma mħejjija li jilqgħu mal-ewwel.

“L-ewwel ħaġa li rridu naħdmu hija li jekk aħna jkollna xi każ, li jista’ jiġri li jkollna xi każ, irridu naqbduh mal-ewwel. Ħalli mhux ikun fil-komunità u jibqa’ jinfirex.”

Saħqet li sal-ħin li kienet qed titkellem ma kien hemm l-ebda każ ta’ persuna li rriżulta pożittiv għall-coronavirus.

“Ilbieraħ filgħaxija u matul il-lejl ukoll kellna ħafna iktar nies li kellimnihom għaliex tistgħu tifhmu li issa ħafna nies kienu marru l-Italja, tajjeb? Dawn kollha assessjajnihom u sa issa m’għandna l-ebda każ.”

Il-Professur Gauci qalet li t-Tlieta filgħaxija komplew jiġu eżaminati iżjed nies mhux biss fl-ajruport, permezz ta’ tagħmir li jkejjel it-temperatura tal-ġisem tal-bniedem.

“Ilbieraħ filgħaxija ukoll min niżel bil-Katamaran tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, aħna konna qegħin hemm hekk ukoll biex nagħmlu l-iscreening.”

Il-Professur Gauci tenniet li n-nies b’sintomi tad-deni, sogħla jew qtugħ tan-nifs, għandhom jibqgħu id-dar u jagħmlu kuntatt mat-tabib tagħhom jew mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Huma qegħdin jintalbu biex ma jżurux ċentri tas-saħħa jew id-dipartiment tal-emerġenza.

Qalet ukoll li jekk mhux daqshekk meħtieġ, in-nies għandhom jevitaw safar lejn iċ-Ċina, Hong Kong, Singapore, il-Ġappun, l-Iran, il-Korea ta’ Isfel u n-naħa ta’ fuq tal-Italja b’mod partikolari r-reġjuni tal-Lombardia, Piemonte, Veneto u Emilia Romagna.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li bħala prekawzjoni jekk xi ħadd għadu kemm ġie minn dawn il-postijiet imsemmija għandu jibqa’ d-dar għal erbatax-il jum.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend