47,914–il persuna jaqsmu lejn Għawdex waqt il-jiem tal-Karnival – One News

47,914–il persuna jaqsmu lejn Għawdex waqt il-jiem tal-Karnival

Kważi tmienja u erbgħin elf ruħ qasmu l-fliegu bejn il-Ġimgħa u t-Tlieta għall-jiem tal-Karnival reġjonali f’Għawdex.

Iċ-ċifri ppubblikati mill-kumpanija Gozo Channel juru żieda ta’ kważi sebgħa fil-mija meta mqabbel mal-istess jiem is-sena li għaddiet.

Dan ifisser rekord ta’ nies li qasmu lejn Għawdex biex igawdu jiem tal-karnival f’Għawdex, b’mod partikolari l-karnival spontanju tan-Nadur, li għal sena oħra kompla jżid fil-popolarità.

F’dawn il-jiem, il-vapuri tal-Gozo Channel ġarru kważi ħmistax-il elf karozza lejn Għawdex, żieda ta’ kważi disgħa fil-mija meta mqabbel mal-elfejn u dsatax.

B’reazzjoni għal dan is-suċċess, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri laqa’ dawn ir-riżultati sbieħ. Qal li l-attivitajiet li jittellgħu f’Għawdex f’dawn il-jiem qegħdin jiġbdu lejn Għawdex eluf ta’ nies li qed iżiedu l-attività ekonomika f’Għawdex.

Il-Ministru Camilleri qal li dan għandu jwassal għal aktar attivitajiet u inizjattivi li jressqu aktar nies lejn Għawdex.

Huwa temm jagħti ħajr lit-temxxija u lill-ħaddiema tal-Gozo Channel u lill-entitajiet u kunsilli lokali li ħadmu qatiegħ biex għal sena oħra l-Karnival ta’ Għawdex kien suċċess.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *