Il-PM jappella biex il-KE tgħin dwar l-immigrazzjoni – One News

Il-PM jappella biex il-KE tgħin dwar l-immigrazzjoni


Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-irwol ta’ Malta kienet it-tema ewlenija fuq l-aġenda ta’ laqgħa bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju Ewropew għall-Intern Ylva Johansson.

Fl-ewwel laqgħa f’Kastilja ma’ uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea mindu ħa l-kariga, Dr Abela qal li Malta ma tistax tittollera aktar sitwazzoni fejn terfa’ piż aktar milli jmissha dwar l-immigrazzjoni irregolari mingħajr l-għajnuna tal-pajjiżi Ewropej.

Il-Prim Ministru Abela qal li l-kwistjoni hija ta’ sfida għal pajjiżna bi 3,400 wasla ta’ immigranti s-sena li għaddiet u elf immigrant ieħor li daħlu f’Malta fl-ewwel xahrejn tas-sena.

Sostna li minkejja li saru bosta diskussjonijiet, ma ttieħdet l-ebda azzjoni konkreta biex tinstab soluzzjoni Ewropea. Qal li kien qed jiddikjara l-ovju meta jgħid li Malta qed tħabbat wiċċha ma’ sitwazzjoni li ma tiflahx għaliha.

Bi kliem ċar, Dr Abela qal li l-problema hija ta’ tħassib akbar fil-kuntest taċ-ċokon ta’ pajjiżna u d-densità tal-popolazzjoni tagħha. Dan fl-istess waqt li rrimarka li ċ-ċentri ta’ detenzjoni huma prattikament mimlija.

Dr Abela sostna li l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tirreaġixxi bil-mod kif qed tmexxi bħalissa din il-kwistjoni u għandha taħdem għal ftehim li jiggarantixxi azzjoni ħolistika. Sostna li dan il-fenomemu għandu jiġi indirizzat b’koperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn u b’kontrolli aħjar tal-fruntieri. Dan fl-istess waqt li l-Unjoni Ewropea għandu turi li tgħallmet mil-lezzjonijiet tal-passat.

“Din hija problmea Ewropea u mhux ta’ Malta. Aħna qegħdin niddiskutu l-fruntiera Ewopea,” saħaq il-Prim Ministru.

Qal li sfortunament, il-prinċipji tas-solidarjetà u t-tnaqqis fl-inugwaljanzi mhux qegħdin jiġu applikati fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari u għadd ta’ pajjiżi Ewropew li qegħdin jerfgħu aktar milli jifilħu, qegħdin jitħallew għal riħhom.

Il-Prim Ministru tenna li ma nistgħux nittolleraw aktar din is-sitwazzjoni u jeħtieġ li tittieħed azzjoni konkreta. Dan fl-istess waqt li talab għall-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea.

Min-naħa tagħha l-Kummissarju Ewropew Johnansson qalet kif il-kummissjoni preċedenti proponiet soluzzjoni iżda, iktar minn 3 snin wara din baqgħet fuq l-ixkaffa. Qalet li dan mhux aċċettabbli u li se taħdem għal żblokk.

Hija qalet li għadd ta’ pajjiżi Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma’ realtajiet ġeografiċi differenti ħafna u li dawk il-pajjiżi li jinsabu f’qagħda aktar diffiċli għandhom jingħataw l-għajnuna.

Żiedet li kull triq ‘il quddiem għandha tiġi aċċettata mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Qalet li din hija diffiċli iżda mhux impossibbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Biex jikkundannawna jgħaġġlu dawn il-qabda…
    Xi ħaġa bħal din iħalluha fuq l-ixkaffa! Morru tmejlu Ewropa tal-lemin.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *