Il-Ministru Evarist Bartolo indirizza t-43 Sessjoni Regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem – One News

Il-Ministru Evarist Bartolo indirizza t-43 Sessjoni Regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem

Fl-24 ta Frar 2020, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo indirizza t-43 Sessjoni Regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, li beda fl-24 ta’ Frar u jispiċċa fl-20 ta’ Marzu 2020, fl-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda, f’Ġinevra, l-Isvizzera.

L-2020 hija sena importanti għad-drittijiet tan-nisa minħabba l-25 anniversarju tal-Pjattaforma għal Azzjoni ta Beijing u l-20 anniversarju tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li nediet l-aġenda tal-Ġnus Magħquda in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà. Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru enfasizza l-prijorità mogħtija lill-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet, u rrefera wkoll għat-tnedija tal-ewwel Pjan ta Azzjoni Nazzjonali għan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà ta Malta. Il-Ministru rrefera wkoll għall-miżuri ta governanza tajba implimentati mill-Gvern u l-impenn tiegħu għal aġenda soċjali bsaħħitha, inkluż il-pjan intitolat Libertà biex Tgħix, li hija l-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Diżabilità 2020-2030. Filwaqt li rrefera għall-att orribbli tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn ikkomunika d-dispjaċir sinċier fuq dak li ġara, il-Ministru Bartolo tenna li l-ġustizzja trid u ser issir.

Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru nnota wkoll li waqt li qed infakkru l-75 sena tal-Ġnus Magħquda, is-sistema multilaterali, bil-Ġnus Magħquda fil-qalba tagħha, tibqa l-mekkaniżmu indispensabbli biex tindirizza wħud mill-akbar sfidi tad-dinja, inklużi t-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u l-faqar. Malta esprimiet l-impenn ċar tagħha biex tkompli tagħmel il-parti tagħha fi ħdan il-komunità internazzjonali.

Malta organizzat dibattitu fuq livell għoli intitolat, ‘Narrattiva Ġdida Bilanċjata dwar l-Migrazzjoni’, flimkien mal-Eġittu, u ċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni (ICMPD), bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea (UE), waqt il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Ministru indirizza d-dibattitu u enfasizza li l-migrazzjoni ġġib kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet għall-pajjiżi ta oriġini, ta transitu u ta’ destinazzjoni, u li l-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, għandha tibqa prijorità. Il-Ministru spjega li meta jiċċaħdu mill-aċċess għad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, dan iwaqqafhom milli jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom billi jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-komunità li laqathom u ta’ pajjiżhom. Ġie enfasizzat li n-narrattiva dwar il-migrazzjoni għandha tikkonċentra fuq il-karatteristiċi komuni bejn in-nies aktar milli d-differenzi tagħhom, brispett sħiħ għad-dritt internazzjonali. Il-Ministru enfasizza wkoll l-importanza li jitqies l-aspett uman tal-migranti.

Il-Ministru Bartolo kellu wkoll numru ta’ laqgħat bilaterali ma’ Ehab Fawzi, Assistent Ministru għall-Affarijiet Barranin, Multilaterali u s-Sigurtà Internazzjonali tal-Eġittu, Luca Beccari, Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ San Marino, Riyad Al Maliki, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Istat tal-Palestina, u s-Sur Michael Spindelegger, Direttur Ġenerali tal-ICMPD.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend