BIL-FILMAT: Mandat ġdid biex l-Unjoni Ewropea tibda n-negozjati mar-Renju Unit – One News

BIL-FILMAT: Mandat ġdid biex l-Unjoni Ewropea tibda n-negozjati mar-Renju Unit

Waqt il-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li saret fi Brussell illum, ġie maqbul uffiċjalment il-mandat ġdid li se jkollha l-Unjoni Ewropea biex tibda n-negozjati mar-Renju Unit dwar ir-relazzjoni futura bejn iż-żewġ naħat.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-importanza li fil-ftehim aħħari bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ikun hemm “proviżjonijiet b’saħħithom dwar kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni biex tkun imħarsa l-kompetitività tal-Unjoni Ewropea.” Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi rrimarka fuq l-importanza li l-Unjoni Ewropea tkun preparata għal kull eventwalità, partikularment jekk għandux ikun hemm aktar eżerċizzji ta’ preparazzjoni fl-Unjoni Ewropea, f’każ li ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet.

Dwar il-komunikazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat riċentament dwar it-tkabbir tal-Unjoni, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li Malta tirrikonoxxi l-bżonn ta’riformi biex l-Unjoni Ewropea tkun aktar effettiva. Iżda, il-posponiment riċenti tan-negozjati mal-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq kellu effett negattiv fuq il-kredibilità tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-reġjun. Dan huwa aktar evidenti meta dawn iż-żewġ pajjiżi wettqu r-riformi meħtieġa biex jilħqu dan l-istadju. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej qal li Malta xorta waħda taqbel mal-inizjattivi li qed ikunu proposti u tittama li jkun hemm deċiżjoni pożittiva biex dawn iż-żewġ pajjiżi jibdew il-vjaġġ biex ikunu membri tal-Unjoni Ewropea wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti fuq iż-żewġ pajjiżi.

Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali ddiskuta wkoll l-preparamenti għall-Kunsill Ewropew ta’ Marzu li ġej. Il-Mexxejja Ewropej f’dan il-Kunsill ser jiddiskutu primarjament materji ekonomiċi u s-settur diġitali. Mistennija wkoll ikunu diskussi t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea maċ-Ċina, qabel is-summit li se jsir din is-sena. F’dan ir-rigward, is-Segretarju Parlamentari semma l-importanza tal-kontintent Afrikan u semma kif Malta nediet konsultazzjoni dwar l-istrateġija mal-Afrika. Huwa qal li “din l-istrateġija tista’ tkun pass konkret biex tikber il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika, minn wieħed ibbażat fuq l-għajnuna għal wieħed ibbażat fuq il-kummerċ, l-iżvilupp u d-diplomazija.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend