ARA: Kif tista’ twaqqaf il-Coronavirus – One News

ARA: Kif tista’ twaqqaf il-Coronavirus


L-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin ddikjaraw li s’issa m’hawnx każijiet tal-coronavirus f’Malta. Dan wara li t-testijiet kollha li saru għal dan il-virus fuq persuni li waslu f’Malta rriżultaw kollha fin-negattiv.

Dan ġie kkonfermat mis-supretendent tas-saħħa pubblika Charmaine Gauci waqt konferenza stampa li matulha elenkat il-ħidma li qed issir kontra din it-tifqiegħa li laqtet bosta pajjiżi. Hija spjegat: “Sa issa ma kellna l-ebda każ ta’ Coronavirus li huwa kkonfermat.”

Fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti, l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li qegħdin iwessgħu s-sorveljanza tagħhom f’żoni ta’ vjaġġar li ntlaqtu minn dan il-virus.

Il-Professur Gauci spjegat kif in-nies b’sintomi tad-deni, sola jew li jibdew ibatu biex jieħdu n-nifs 14-il jum wara li jkunu waslu Malta miċ-Ċina, Hong Kong, Singapore, il-Ġappun, l-Iran, il-Korea ta’ Isfel u min-naħa ta’ fuq tal-Italja b’mod partikolari miż-żoni tal-Lombardia, Piemonte, Veneto u Emilia Romagna, għandhom jagħmlu kuntatt mat-tabib tagħhom u mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Huma qegħdin jintalbu biex ma jżurux ċentri tas-saħħa jew id-dipartiment tal-emerġenza.

Il-kap tal-Patoloġija tal-Isptar Mater Dei, Chris Barbara spjega li kull persuna li għandha dawn is-sintomi f’pajjiżna qed tiġi ttestjata permezz ta’ l-iktar test sensittiv għall-ċelloli infettati mill-Coronavirus. Dan bħala parti minn studju li qed isir biex dejjem ikun assigurat li l-virus Covid-19 mhux preżenti fil-popolazzjoni f’pajjiżna. Huwa fisser: “Din, jekk taraw it-television it-taljani jgħidulhom, it-‘tampone’, ‘swab’, biċċa tajjara, u din tidħol mill-imnieħer u tibqa’ sejjer lejn il-gerżuma, fejn hemm se ssib kwantità ta’ virus, speċjalment jekk dak li jkun għandu s-sintomi. Importanti li nifhmu li t-test li qed nużaw huwa l-iktar test sensittiv li tista’ tagħmel preżentament bix-xjenza li għandna.”

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qegħdin iħeġġu wkoll lill-pubbliku biex jevita safar bla bżonn fil-pajjiżi affettwati. Żiedu li dawk li qegħdin jaslu lura minn dawn il-pajjiżi joqogħdu fi kwarantina għal 14-il jum.

Il-Kap tas-sezzjoni għall-kontroll tal-infezzjonijiet, Michael Borg spjega kif l-isptar Mater Dei huwa mill-iktar sptarijiet imħejji għall-Coronavirus fid-dinja. Dan filwaqt li xejjen għalkollox dak li intqal minn sezzjonijiet tal-midja hekk kif saħaq li s’issa tħarrġu l-fuq minn 350 ħaddiem fl-isptar u jinsab imħejji għal kull eventwalitá fil-ġlieda kontra l-virus. Dan filwaqt li sar investiment kbir f’apparat apposta.

Dr Borg sostna: “Ġibna wkoll magni minn barra biex jippurifikaw l-arja biex mhux biss toqgħod fuq il-ventilazzjoni tal-kamra, talli għandek ‘units’ li jiġbdu l-arja, jgħaddiha minn filter, minn ‘hepa filter’ u allura l-arja li toħroġ minnha tiġi ppurifikata. Barra minn hekk, u għidtha wkoll meta kellna s-seminar tat-tobba, għandna biżżejjed ‘PPEs’, ‘Personal Protective Equipment’, għandna maskli, visors, gowns, gloves.”

Is-supretendent tas-saħħa pubblika, Charmaine Gauci appellat lill-pubbliku biex ma jallarmax ruħu u ma jaġġixix daqs li kieku għandna xi sitwazzjoni bħal dik fl-Italja u ċ-Ċina. Stqarret li l-maskli protettivi m’humiex effettivi ħlief għall-ħaddiema li jkunu qed jaħdmu fil-qrib ma pazjenti infettati. Dan filwaqt li sostniet li m’hemmx bżonn li wieħed jaħżen l-ikel.

Dan wara li matul il-jum il-maġġoranza tal-ħwienet tal-merċa spiċċaw bl-ixkafef tagħhom kollha vojta wara li bosta persuni dehru jixtru l-ikel u l-prodotti bażiċi bil-grossa. Saħansitra għal xi mumenti ġiet ikkawżata konġestjoni tat-traffiku fit-toroq li jagħtu lejn l-iktar stabilimenti popolari.

L-awtoritajiet tas-saħħa fakkru lill-pubbliku b’mod ġenerali biex jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jevitaw il-mard respiratorju.

Dan fost oħrajn billi jaħslu jdejhom ta’ spiss bl-ilma bis-sapun, dawk morda joqogħdu d-dar u ma jżurux pazjenti l-isptar.

Ara wkoll:

S’issa ebda każ ta’ Coronavirus f’Malta

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend