Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn ta dettalji dwar ix-xogħlijiet li għaddejjin fil-Menqa bħala parti mill-masterplan ta’ Marsalforn.
Il-Ministru Camilleri qal li llum beda jingħata l-konkos bi tkomplija mal-ewwel saff tal-bażi, kif ukoll bdew jinfirxu l-ewwel sleeves bis-servizzi lejn il-proprjetajiet. Il-Ministru spjega li nqala’ l-materjal li kien hemm qabel, sar id-drenaġġ mill-ġdid bejn ir-ristoranti, kif ukoll ġie installat valve chamber u riservi ġodda konnessi ma’ setting tank ġdid. Dan filwaqt li fil-ġranet li ġejjin għandhom jaslu l-ewwel containers bil-porfido.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fakkar li l-masterplan tax-xatt ta’ Marsalforn jinkludi pavimentar bil-lava/porfido ta’ Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Ġużepp, Triq ir-Rabat u Misraħ Sir Michelangelo Refalo, kif ukoll installazzjoni ta’ dwal ġodda u street furniture biex iż-żona tingħata dehra kontemporanja. Se jkunu qegħdin jiġu allokati madwar 12,850 metru kwadru għall-imwejjed u s-siġġijiet tal-bars, ir-restoranti u ħwienet oħra.
Il-Ministru Camilleri spjega kif, permezz ta’ dan l-investiment ta’ madwar € 3,000,000, il-gvern qed jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa mis-settur privat biex jittrasforma Marsalforn f’hub turistiku u ta’ divertiment. Barra minn hekk, permezz ta’ dan l-intervent, il-Ministeru għal Għawdex għandu jistimula aktar investimenti biex jiżgura l-kompetittività tal-industrija turistika lokali. Il-Ministru Camilleri elabora dwar kif din tirrappreżenta madwar 50% tal-produzzjoni ekonomika diretta t’Għawdex u hija responsabbli għal madwar 20% tal-impjiegi maħluqa fil-gżira Għawdxija.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li f’konformità mal-politika tal-gvern, li tħeġġeġ l-adozzjoni ta’ mezzi ta’ trasport aktar favur l-ambjent u stil ta’ ħajja iktar b’saħħtu, l-aċċess fil-promenade se jkun pedonali, b’aċċess biss għall-vetturi li għandhom permess biex jagħtu servizz.