Ftit xhur ilu, l-anzjanità attiva u kura fil-komunità ħareġ stedina lill-kunsilli lokali kollha sabiex iżidu iżjed opportunitajiet għal anzjanità attiva fil-lokalitajiet. Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi huwa wieħed minn dawk li laqa’ din l-istedina u llum ġie ffirmat ftehim sabiex jitwaqqaf Ċentru għall-Anzjanità Attiva fil-lokalità.
Bħalissa fis-Siġġiewi hemm Ċentru ta’ Matul il-Jum li jiftaħ nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ħamis. F’dan iċ-ċentru bħalissa qed jattendu aktar minn 100 anzjan mil-lokal u għalhekk inħass il-bżonn ta’ aktar servizzi f’din il-lokalità. Huwa għalhekk li issa se jibda wkoll servizz ta’ Ċentru għall-Anzjanità Attiva. Dan se jkun miftuħ kull nhar ta’ Tnejn mid-9:00 ta’ filgħodu sa nofsinhar. L-għan ta’ dan is-servizz huwa li jattira iżjed nies fosthom dawk li mhumiex interessati jattendu ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li bis-saħħa ta’ dan is-servizz l-anzjani se jkunu jistgħu jiltaqgħu u jissoċjalizzaw aħjar flimkien u anki jitgħallmu diversi ħiliet ġodda. Barra minn hekk dawn is-sessjonijiet jgħinu lill-anzjani sabiex jibqgħu b’saħħithom kemm fiżikament kif ukoll mentalment. F’diversi sezzjonijiet fil-fatt se jkun hemm tagħlim minn professjonista u anki taħriġ minn fiżjoterapista. Barra minn hekk se jkun hemm ukoll l-opportunità li l-anzjani jgħallmu lil xulxin. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal ukoll li sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni attiva tal-anzjani, qed jiġi wkoll provdut trasport b’kollaborazzjoni bejn il-kunsill lokali u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-komunità. Silvio Parnis għalaq billi ħeġġeġ lill-anzjani jattendu għal dawn is-sessjonijiet u appella lill-kunsilli lokali kollha sabiex ikomplu jżidu inizjattivi li jippromwovu l-anzjanità attiva fil-komunità.
Bħalissa f’Malta u Għawdex jeżistu 21 Ċentru ta’ Matul il-Jum u 8 Ċentri għall-Anzjanità Attiva.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fuq 21466000.