Carmel Agius, għalliem ta’ 52 sena mill-Fgura nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li abbuża sesswalment ħames studenti bniet li għandhom bejn id-disgħa u t-tnax-il sena waqt li kienu fdati lilu biex jieħu ħsiebhom, jindukrahom jew biex jgħallimhom.
Il-każ seħħ fi Frar li għadda u fix-xhur ta’ qabel fl-iskola tal-arti li għandu l-akkużat Agius Art School fil-Fgura.
Il-qorti ordnat divjett fuq l-isem tal-ħamest ibniet fosthom waħda ta’ disa’ snin, oħra ta’ għaxar snin, tnejn 11-il sena u oħra 12-il sena.
Agius ġie mixli fost oħrajn li b’għemil żieni kkorrompa u ħa sehem f’attivitajiet sesswali ma’ tifla ta’ 11 u 12-il sena u li kkommetta reat ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-ħamsa li huma.
Huwa ġie mixli wkoll li offenda l-pudur jew il-morali b’għemil li sar f’post pubbliku. Agius ġie mixli wkoll li l-akkużat issoġġetta lil ħames studenti tiegħu għal att jew imġiba li jkollhom konnotazzjonijiet sesswali inklużi kliem bil-fomm u mossi li huma meqjusa offensivi, umiljanti, degradanti jew intimidatorji.
Fil-qorti ġie allegat li waqt il-lezzjoni tal-arti, Agius kien imissilhom il-parti privata tagħhom.
Il-każ beda jiġi investigat mill-Pulizija wara li waħda mill-istudenti tkellmet dwar dan l-allegat abbuż is-Sibt li għadda.
Dwar dan il-każ, il-pulizija tkellmet ukoll ma’ ħamsin studenta oħra li kien jgħallem l-akkużat.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi fil-konfront tiegħu. Agius qiegħed jiffaċċja akkużi simili f’każ separat.
Il-Magistrat Donatella Frendo Dimech ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat sabiex l-għalliem jinżamm arrestat.
Il-qorti laqgħet it-talba wkoll biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni u sigurtà fil-konfront tal-vittmi u l-qraba tagħhom.