“Spiċċajt f’sitwazzjoni li jew nitlaq jew nitlef ħajti” – bint – One News

Notifiki

“Spiċċajt f’sitwazzjoni li jew nitlaq jew nitlef ħajti” – bint


‘Dari ma baqgħetx dari iktar u spiċċajt f’sitwazzjoni li jew nitlaq jew nitlef ħajti’.

Din hija l-esperjenza ta’ Melanie Calleja, tfajla ta’ 23 sena li fi tfulitha u f’żgħożitha għexet tbatija bla qies minħabba l-imġiba ta’ ommha.

Melanie rrakkonta li f’dar ommha hija kienet vittma tal-vjolenza Domestika. Tiftakar li minn etá żgħira dejjem kienet suġġetta għall-bosta forom ta’ abbuż minn ommha. Tgħid li kien diffiċli għaliha li titkellem dwar is-swat li kienet taqla’.

Hija sostniet: “Minn etàżgħira kien ikollok xi tbenġila jew xi daqqa, tagħmel l-eżamijiet ta’ Ġunju bil-flokkijiet tal-komma twila, jiġifieri dawk affarijiet li niftakar mindu kont żgħira, imbagħad meta l-affarijiet bdew jiggravaw anke tlift skola. Tlift l-iskola, għamilt, kont għadni nibda l-Università, tlift l-ewwel ġimagħtejn.”

Tgħid li pprovat tgħin lil ommha u fittxitilha l-għajnuna ta’ bosta professjonisti. Iżda kien kollu għalxejn għax ma bdietx turi r-rieda li tinbidel.

Qalet kif minħabba l-vjolenza hi u ħutha kienu jibżgħu minn ommhom. Għajnuna min-nies li kienu jafu l-familja qatt ma sabu għax anke huma kienu jibżgħu jidħlu bejniethom.

Melanie fissret: “Konna nibżgħu minnha.. qatt ma tkellimna għax dejjem bżajna minnha. U kont naf li hemm nies li jafu li aħna għaddejjin minnha imma jibżgħu minnha.”

Madwar erba’ snin ilu s-swat sar insapportabbli u saħansitra semgħet lil ommha tħeġġeġ lil oħtha biex joqtluha. Is-swat li kienet qalgħet kien kbir u rrakkontat kif kienet saħansitra ġibditilha xagħarha u mmarkatilha ġisimha bis-swat b’lasta ta’ xkupa.

Kien hawn li telqet minn dar t’ommha u missierha għax din ma kinitx baqgħet iżjed darha. Hija qalet: “Ma kontx naf jekk hux se nagħmilha, jekk hux se noħroġ ħajja jew mejta minn ġo dik id-dar, b’xi mod imma kont naf li rrid noħroġ minn hemm.”

Tgħid li bdiet taħdem biex terġa ġġib lura ħajjitha. Tat iżjed importanza lil saħħitha u ntilfet fl-isport biex terġa’ ġġib lura saħħitha. Saħansitra kellha tagħmel interventi mediċi minħabba s-swat li ġarrbet.

Madankollu stqarret kif il-vjolenza domestika ma tispiċċax meta titlaq mid-dar. Hemmhekk jibda proċess mill-iktar diffiċli.

Melanie kompliet tgħid: “Meta ġejt immalafamata fuq ċertu affarijiet ta’ saħħa, eżempju li jiena nieħu d-drogi u min kien qed itihieli, nies li għenuni, hemmhekk ħadtha vera bi kbira u hemmhekk bdiet tiżdied anke s-serjetà tiegħi anke lejn l-input li nagħti f’dan is-suġġett.”

Stqarret li llum taħdem biex twassal il-messaġġ li wara l-vjolenza fid-dar mhux bilfors hemm l-id tar-raġel u kulħadd jista’ jkun vittma.

Appellat biex dawk kollha li għaddejjin minn esperjenzi simili isibu lil xi ħadd ma min jiftħu qalbhom u bħalha ma jiddejqux ifittxu kenn taħt saqaf ieħor fejn hemmhekk jistgħu jibdew jirbħu ħajjithom lura: “Naf li diffiċli, naf li d-deċiżjoni li tibda tgħid jien fejn se mmur, jien x’inhu, liem saqaf ħa ngħid id-dar tiegħi, imma aħjar milli titlef ħajtek jew tibqa tgħix f’dak l-istat.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend