Ir-rappreżentanti tal-PN fil-Kummissjoni Elettorali se jagħmlu l-wisa’ wkoll – One News

Notifiki

Ir-rappreżentanti tal-PN fil-Kummissjoni Elettorali se jagħmlu l-wisa’ wkoll


Iż-żewġ rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista fil-Kummissjoni Elettorali, Angelito Sciberras u Antoine Portelli, fl-aħħar jiem bagħtu ittra konġunta biex jinżgħu minn din ir-responsabbiltà Kostituzzjonali kif iddettata fil-Liġi tal-Elezzjonijiet Ġenerali. Ir-riżenja tagħhom se tidħol fis-seħħ eżatt bħal-lum ġimgħa, fl-1 ta’ Marzu.

Din kienet l-aħħar daqqa ta’ ħarta għat-tmexxija ta’ Adrian Delia, li kien proprju hu li għażel lil Sciberras u Portelli għal dan ir-rwol importanti sentejn u nofs ilu. Waqt li Sciberras kien meqjus bħala punt ta’ referenza għaż-żgħażagħ tal-Partit fi żmien l-Eks Kap Lawrence Gonzi, Portelli jiġi ħu l-Eks Kap tal-midja Nazzjonalista Pierre Portelli, li kien meqjus bħala l-id il-leminija ta’ Dr Delia u li wkoll kellu jirriżenja wara pressjoni mill-fazzjoni tal-Eks Kap Simon Busuttil.

Dan kollu jidħol f’sintonija mal-emorraġija li qiegħda ssofri t-tmexxija attwali Nazzjonalista u fl-istess ħin il-manuvri li qegħdin isiru minn dawk li akkost ta’ kollox iridu jtajru lil Adrian Delia minn Kap.

Fl-ittra tar-riżenja tagħhom, iż-żewġ rappreżentanti fil-Kummissjoni Elettorali indikaw li qed jagħmlu dan proprju biex jagħmlu l-wisa’ għal ħaddieħor u l-PN ikun jista’ jressaq l-ismijiet ta’ oħrajn flokhom. Fit-12 ta’ Frar li għadda kien ġie rrappurtat li Sciberras kien irriżenja minn direttur tal-fergħa tal-PN li tieħu ħsieb il-proċessi elettorali, l-ELCOM, ftit sigħat wara laqgħa taħraq tal-Eżekuttiv. Aktarx li dakinhar irriżenja wkoll miegħu l-istess Portelli.

Huma kienu ddaħħlu fil-Kummissjoni Elettorali minflok Matthew Mangion u Boris Xerri, li kienu l-għażla ta’ Simon Busuttil. Il-Liġi tal-Elezzjonijiet Ġenerali tenfasizza r-rwol importanti u neċessarju tar-rappreżentanti. Fost oħrajn, tgħid li “d-delegati tal-partit, minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ kull liġi oħra, għandu jkollhom kull dritt u ħelsien li jidħlu fl-Uffiċċju Elettorali, li jaraw kull dokumentazzjoni miżmuma f’dak il-lok, li jingħataw kopji relattivi f’format bil-miktub jew elettromanjetiku, u li jqabblu, jivverifikaw u jiksbu kull tagħrif dwar ix-xogħol tal-Uffiċċju Elettorali.”

Artikolu 10(4) tal-istess Liġi jgħid ċar u tond li d-delegati jibqgħu fil-ħatra sakemm jitneħħew mill-partit politiku li jkun issottometta n-nomina tagħhom lill-Kummissjoni Elettorali.

Għaldaqstant, ladarba dan ma ġarax għax kienu d-delegati nfushom li għażlu li jieqfu mill-kariga, mhux magħruf jekk il-Kummissjoni Elettorali hijiex se taċċetta r-riżenji u/jew titlob formalment lill-PN biex jissottomettihom. Francis Zammit Dimech, is-Segretarju Ġenerali attwali Nazzjonalista, ġie infurmat ukoll bir-riżenji.

Biż-żewġ postijiet battala, jista’ ma jkunx hemm uniformità mal-Liġi, sakemm ma jinħatrux żewġ persuni oħra sa tmiem ilġimgħa d-dieħla. Din il-gazzetta hi infurmata li, fl-ittra għar-riżenja tagħhom li bagħtu nhar l-Erbgħa li għadda lill-Kummissarju Elettorali Ewlieni Joseph Church, Sciberras u Portelli tennew li issa l-PN se jkun jista’ jressaq l-ismijiet ta’ persuni oħrajn għal dawn il-karigi.

Ta’ min ifakkar ukoll li diġà kien hemm nuqqas u ksur tal-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti meta l-PN dam tliet xhur biex isib min jokkupa l-pożizzjoni ta’ Teżorier wara r-riżenja ta’ Antoine Zammit f’Settembru li għadda.

Fil-fatt kellu jkun l-Eks Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo li jitgħabba wkoll b’din ir-responsabbiltà delikata f’kull organizzazzjoni, ladarba ħadd ma ried jidħol għall-piż ta’ djun u problemi finanzjarji enormi.

Arrigo diġà ħabbar li se jirriżenja mill-pożizzjoni fejn iffaċċja problemi li tfaċċaw u kienu ilhom jikbru qatigħ minn mindu l-PN tilef il-poter fl-2013.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend