ARA: Carers iħitu kostumi biex it-tfal fil-kustodja tagħhom igawdu l-Karnival – One News

ARA: Carers iħitu kostumi biex it-tfal fil-kustodja tagħhom igawdu l-Karnival


Grupp ta’ carers fi djar residenzjali ħasbu biex iħitu numru ta’ kostumi tal-Karnival għat-tfal li jinsabu taħt il-kustodja tagħhom f’kura alternattiva.

Dan f’turija ta’ mħabba ma taqta’ xejn lejn dawn it-tfal biex huma wkoll ikunu jistgħu igawdu dawn il-festi li tant ikunu ħerqana għalihom.

Rita Camilleri, waħda mill-carers, spjegat li l-bniet xtaqu jilbsu ta’ prinċipessi.

Qalet ukoll li minbarra l-ilbiesi, fid-djar inbnew karrijiet żgħar sabiex ikomplu jdaħħlu lit-tfal fl-ispirtu tar-renju tal-bluha.

Camilleri spjegat: “Tagħna għamilniehom fuq stil Venezjan u tat-tfal princesses għax xtaqu li jkollhom it-tema tal-princesses. Ferħanin ħafna u xħin libsu l-ħwejjeġ kienu ferħanin li kienu princesses.”

Angie Farrugia Ellul, li tmexxi waħda mid-djar residenzjali, stqarret li ta’ kuljum it-tfal ikunu indokrati sabiex jgħixu ħajja indipendenti. Hija qaltilna: “Anything, any hobby li dawn it-tfal għandhom jew li jixtiequ aħna qegħdin hemm biex litteralment nagħmluhom għax fl-aħħar mill-aħħar għada pitgħada jkunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti u ħajja wkoll bħal kull tifel u tifla li tgħix fis-soċjetà u l-komunità tagħna.”

Il-Kap tad-Direttorat tat-tfal Remenda Grech spjegat li d-direttorat ħa f’idejh is-servizzi kollha li jagħtu għajnuna lit-tfal, bl-iskop hu li jkun replikat kemm jista’ jkun l-ambjent ta’ familja.

Hija fissret: “Id-direttorat għat-tfal imexxi wkoll sitt djar residenzjali. Huma djar żgħar fil-komunita bl-iskop li joffri mhux biss saqaf fuq ras tfal li ma jistgħux jgħixu mal-familja tagħhom imma wkoll pjan u kura ħolistika skont il-ħtiġijiet għal kull tifel u tifla.”

Fis-sitt idjar residenzjali mmexxija mid-direttorat tat-tfal, hemm madwar 30 tifel u tifla.

Dan filwaqt li b’kollox hawn ħames mitt tifel u tifla li jgħixu f’kura alternattiva – uħud fostered u oħrajn li jgħixu fi djar residenzjali operati minn diversi entitajiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend