2,036 persuna taw id-demm għall-ewwel darba fl-2019 – One News

2,036 persuna taw id-demm għall-ewwel darba fl-2019


F’sitt xhur, mindu beda jintuża l-apparat ġdid fil-Bank tad-Demm b’teknoloġija msejħa NAT Testing, ġew analizzati sebat 1,862 kampjun– id-donazzjonijiet kollha tad-demm minn nofs Awwissu sal-aħħar ta’ Jannar.

Id-Direttur tal-Bank tad-Demm, Dr Alex Aquilina, spjega kif qed jaħdem dan l-apparat, li nxtara b’investiment ta’ €3 miljun.

Dr Aquilina spjega: “Dan l-apparat jittestja għal ċertu viruses, jittestja għal viruses li nittestjaw dejjem fid-demm bħall-Hepatitis B, Hepatitis C u l-marda tal-AIDS u l-vantaġġ fuq is-sistemi li konna nużaw u għadna nużaw għax dan mhux l-unika strument li janalizza d-demm, hu li huwa sensittiv ħafna, li jaqbad marda ħafna qabel ma testijiet oħrajn ikunu jistgħu jaqbduh.”

Dan l-apparat modern jittestja wkoll għall-West Nile Virus. Virus li jiġi trasmess minn nemusa komuni ħafna fil-Mediterran, f’pajjiżi bħall-Greċja, Sqallija u partijiet fi Spanja.

Sa ftit xhur ilu, persuni li jkunu siefru f’dawn il-postijiet ma setgħux jagħtu demm għal 28 jum, iżda issa dawn jistgħu jagħtu mill-ewwel.

Dr Aquilina tenna: “Bdejna l-analiżi b’din is-sistema f’nofs Awwissu tas-sena l-oħra u għamilna mal-ħames mitt analiżi għall-west nile virus u dawn huma ħames mitt donazzjoni li ggwadanjajna, kieku ma kellniex dan il-makkinarju ma konniex nistgħu neħduhom, ħames mija mhumhiex ċajta ammont sostanzjali meta niftakru li nużaw ħamsin borża demm kuljum, jiġifieri hemm għaxart ijiem demm li stajna neħduhom grazzi għal din it-tip ta’ analiżi.”

Fl-2019, kienu aktar minn 21,000 persuna li rreġistraw biex jagħtu d-demm.

Minnhom taw 17,500; b’2,036 kienu donaturi ġodda.

Dr Aquilina fakkar li d-demm ma jintużax biss għal inċidenti, iżda wkoll għal pazjenti morda bil-kanċer u operazzjonijiet bħal ċesarja, tal-qalb u knee replacements, li jekk ma jsibux demm ikollhom jiġu posposti.

Huwa kompla jispjega: “Tistennewx li jkun hemm xi ħadd fil-familja li għandu bżonn id-demm għax ħafna nies, meta jiġri xi ħaġa jiġu, jekk ma jiġri xejn ma jiġux, hemm ħafna nies għandhom bżonn id-demm kuljum.”

Ma’ dan l-appell ingħaqad Clifton Gatt, donatur li ta d-demm 56 darba. Hu appella: “Illum qed nagħti jien għal ħaddieħor, ’il quddiem Allaħares jista’ jkun li inti jkollok bżonn tieħu d-demm mingħand ħaddieħor.”

Magħhom ingħaqdet Debbie Scerri, li fakkret li d-demm ma jinxtarax bil-flus. Hija appellat: “Ejjew agħtu demm għaliex huwa importanti ħafna, dejjem ikun hawn bżonn, ta’ kull tip ta’ demm, operazzjonijiet, inċidenti, huwa importanti li niġu, nagħtu ftit mill-ħin tagħna u nagħtu ftit mid-demm tagħna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *