Reġistrat progress, imma taħditiet inkonklussivi – One News

Reġistrat progress, imma taħditiet inkonklussivi

Il-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-qafas finanzjajru tal-bugdet Ewropew ħadet madwar 28 siegħa, b’diskussjonijiet intensivi li baqgħu għaddejjin mal-lejl u komplew matul il-jum.

F’kummenti lill-mezzi tax-xandir, il-Prim Ministru Robert Abela qal li kien hemm progress, imma f’dan l-istadju t-taħditiet mhumiex konklussivi.

Jirriżulta li l-punt prinċipali ta’ diverġenza huwa d-daqs tal-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin, fejn hemm erba’ pajjiżi li qed jisħqu li għandu jiċkien, u 17 il-pajjiż, fosthom Malta, jgħidu li għandu jkun ikbar minn dak propost mill-President tal-Kunsill Ewropew.

“Kulħadd spjega l-pożizzjoni tiegħu. Aħna qed ngħidu li t-total ta’ dan il-budget m’għandux ikun inqas għaliex hemm oqsma partikolari, bħal politika komuni agrarja u l-fondi ta’ koeżjoni, li huma tant importanti għall-prinċipji li hija mibnija fuqhom l-Unjoni Ewropea,” qal il-Prim Ministru. “Għaldaqstant dawn id-diskussjonijiet issa jridu jkomplu f’summit ieħor, u jien fiduċjuż li eventwalment jintlaħaq ftehim.”

Dan il-budget irid jidħol fis-seħħ minn Jannar li ġej, u għalhekk fadal żmien biex wieħed ikompli jiddjaloga lejn ftehim sodisfaċenti għal kulħadd.

Intant, Dr Abela rrimarka li f’dan l-ewwel Kunsill Ewropew tiegħu laqtu r-rispett li jgawdi pajjiżna. “Ħassejtni milqugħ tajjeb ħafna, wassalt il-pożizzjoni ta’ Malta u nnegozjajt b’mod sod f’isem pajjiżna. Kommess li nibqa’ naħdem biex pajjiżna jkompli jimxi ‘l quddiem,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Il-PM f’diskussjonijiet informali mal-mexxejja tal-Friends of Cohesion qabel il-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew

Jingħalaq l-ewwel stadju tad-diskussjonijiet, issa tibda fażi iżjed intensiva

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend