Delia jistaqsi għax ma nirrabjawx għall-bonus addizzjonali  – One News

Delia jistaqsi għax ma nirrabjawx għall-bonus addizzjonali 

Fi kważi tliet kwarti intervista fuq ir-radju tiegħu, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia infexx jattakka l-implimentazzoni tal-miżura mħabbra fil-budget għal din is-sena ta’ bonus addizzjonali biex jagħmel tajjeb għal żidiet li ma rriflettewx fil-kumpens għall-għoli tal-ħajja.

B’ton aggressiv, Delia staqsa għaliex ma nirrabjawx meta l-Gvern jibgħat iċ-ċekk ta’ bonus addizzjonali.

“Imma kif ma nirrabjawx u mmorru biċ-ċekk ta’ ħmistax-il ewro.”

Il-bonus addizzjonali li bdew jirċievu mija u tmenin elf familja mingħand il-Gvern ġie jiswa ħames miljun u tliet mitt elf ewro.

Iżda din l-istess miżura anki ħolqot firdiet ġodda fil-Partit Nazzjonalista hekk kif tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ħeġġew biex jagħtuh donazzjoni lill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia filwaqt li tal-fazzjoni Delia mbuttaw biex dan jagħtuh lill-Partit f’tal-Pietà.

Dan il-ġlied fil-Partit Nazzjonalista kompla jispjegah il-Kap Adrian Delia meta fuq ir-radju bagħat messaġġ lil fazzjoni li dejjem taqtalu saqajh biex tiġbed l-istess ħabel.

“Meta l-partit jiddeċiedi illi ħa linja kulħadd huwa mistenni illi jiġbed l-istess ħabel.”

Delia anki uża l-ħin biex jitfa’ battuta lil ta’ Busuttil, fosthom nies bħal Jason Azzopardi li f’sentejn u nofs kemm ilu jmexxi Adrian Delia uża kemm il-darba l-facebook biex jimmina l-kap.

“Tista’ tippostja llum fuq facebook daqs li kieku dak il-post issa waslet biex inbidlet id-dinja.”

Intant fi stqarrija l-Partit Laburista saħaq li huwa ironiku kif il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid jiddetta l-aġenda politika tal-Gvern meta fl-istess waqt, jaħrab minn deċiżjonijiet li bi dmir għandu jieħu.

“Eżempju ċar huwa l-għażla tar-regolatur tal-programm għaċ-Ċittadinanza b’Investiment fejn l-istess Adrian Delia għażel li lanqas biss ikun konsultat”, saħaq il-Partit Laburista li semma wkoll kif fil-Partit Nazzjonalista teżisti konfużjoni min qed jieħu d-deċiżjonijiet.

“Il-Kap tal-Oppożizzjoni jabdika mir-responsabbiltajiet tiegħu stess” – il-Partit Laburista

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend