200,000 ruħ jużaw is-servizzi online tal-Gvern – One News

200,000 ruħ jużaw is-servizzi online tal-Gvern

Matul l-2019 mal-200,000 persuna użaw is-servizzi online tal-Gvern.

Jixhdu dan ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għas-sena l-oħra hekk kif intqal li kważi sittin fil-mija ta’ dawk li jużaw l-internet, aċċessaw is-servizzi online tal-Gvern.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifri, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar spjega kif din l-aħbar hija ċertifikat pożittiv għall-viżjoni tal-Gvern li jqarreb is-servizz pubbliku qalb in-nies.

Is-Sur Cutajar stqarr: “Il-fatt li qed ikollna nies, mitejn elf household li minnha qed jiġi aċċessat is-servizzi li noffru bħala servizz pubbliku ma nistax ma nsejħilix li hija pass u aħbar interessanti u ta’ sodisfazzjon għalina għax ifisser li l-pjani tagħna qed iwasslu u qed nilħqu l-għanijiet tagħna.”

Il-Kap taċ-Ċivil semma l-investiment ta’ 40 miljun fit-teknoloġija li qed jagħmel il-Gvern fil-qasam tas-Servizz Pubbliku.

Qal li dan l-investiment huwa parti minn pjan ta’ 3 snin għall-ġejjieni tas-servizz pubbliku li kull ma jmur qed ikun aċċessibbli fuq pjattaforma diġitali.

Intant il-Kap tal-Operazzjonijiet ta’ servizzi.gov Melissa Vella Buhagiar fissret kif l-aħħar stħarriġ mill-NSO jikkonferma wkoll ħidmet il-Gvern sabiex iqarreb is-Servizzi online lejn nies aktar imdaħħlin fl-età.

Hija sostniet: “Qed naraw żieda fl-età naqa’ iktar avvanzata ta’ fejn qegħdin qed jagħmlu użu mill-e-government services u għaldaqstant ukoll dan huwa turija ċara kemm il-viżjoni tal-Gvern u tal-amministrazzjoni pubblika hija waħda pożittiva u waħda li tħares fit-tul.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend