Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ltaqa’ mal- Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (Malta Federation of Organisations Persons with Disability – MFOPD). Il-Ministru Abela saħaq li persuni b’diżabilità huma fundamentali għas-suċċess tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2030, b’mod partikolari fejn jidħlu l-għanijiet kontra l-faqar, xogħol diċenti u tnaqqis ta’ inugwaljanza.
F’kummenti, il-Ministru Abela tkellem dwar kif l-iżvilupp sostenibbli qiegħed hemm biex jagħmel il-ħajja tal-persuni kollha aħjar iżda hemm faxxex ta’ nies li jkollhom bżonn aktar attenzjoni. Fost dawn hemm il-persuni b’diżabilità li jkunu jeħtieġu iżjed riżorsi sabiex nagħmlulhom ħajjithom iżjed faċli. Fi kliem il-Ministru Abela, “tkellimna mal-federazzjoni dwar kif nistgħu naħdmu flimkien, intejbu l-ħidma li diġà qed issir u anke dwar kif ir-riżorsi allokati, anke dawk finanzjarji mill-gvern, jistgħu jħallu iżjed valur għal li qed jiġi investit f’dan is-settur”.
Huwa żied jgħid li, “taħt il-kappa tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli li jmissu jew huma ta’ interess għal persuni bi bżonnijiet speċjali irridu naraw x’qed isir fil-pajjiż u kif nistgħu naħdmu aktar u aħjar sabiex naraw li t-tajjeb li qed isir ikun aħjar u naraw kif nistgħu noħorġu b’ideat differenti, ħalli b’ħidma u b’kollaborazzjoni niksbu iżjed suċċess għal persuni bi bżonnijiet differenti”.
Huwa tkellem dwar kif l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Magħquda 2030 turi mpenn ċar sabiex jiġu msaħħa persuni li huma vulnerabbli, inkluż persuni b’diżabilità. Huwa fakkar li dawn l-għanijiet jippromwovu rispett universali għall-promozzjoni tad-drittijiet umani, ugwaljanza u tnaqqis fid-diskriminazzjoni.
Il-membri preżenti għal din il-laqgħa kienu l-President Marthese Mugliette, is-Segretarju Venera Micallef u membru tal-federazzjoni Mario Mamo.
Il-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet ta’ Persuni b’Diżabilità twaqqfet fl-1970 biex tkun ir-rappreżentanza nazzjonali – kemm f’fora lokali kif ukoll internazzjonali – għas-settur Malti tad-diżabilità. Hija kostitwita mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità u minn persuni u korporazzjonijiet li huma direttament u/jew indirettament marbuta mas-settur tad-diżabilità f’Malta.