Juża l-aħħar diskors tiegħu biex jattakka lil Delia – One News

Notifiki

Juża l-aħħar diskors tiegħu biex jattakka lil Delia

Fl-aħħar diskors tiegħu fil-Parlament qabel ma jirriżenja minn Deputat Nazzjonalista biex imur Brussell, Simon Busuttil infexx f’attakk kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Busuttil, l-uniku Kap tal-Oppożizzjoni li baqa’ qatt ma sar Prim Ministru, beda biex sellem lil tal-Occupy Justice u Repubblika li kontinwament isejħu għar-riżenja ta’ Delia minħabba l-akkużi gravi ta’ ħasil tal-flus li għamlet dwaru Daphne Caruana Galizia.

Busuttil sostna: “Nixtieq insellmilhom b’mod partikolari lir-Repubblika u Occupy Justice.”

F’battuta oħra, Simon Busuttil fakkar lil Delia li l-Partit Nazzjonalista mhux bħat-tim tal-futbol li kien imexxi qabel daħal fil-politika. Busuttil stqarr: “Imma dan mhux tim tal-futbol, partit politiku jrid jaħdem għar-rispett tiegħek u mhux jippretendi lealtà għamja.”

B’Jason Azzopardi u Karol Aquilina jħabbtu u jċapċpu warajh, Busuttil kompla jiftħilha u hekk kif se jitlaq għadda messaġġ lil dawk leali lejn il-fazzjoni tiegħu biex ma jiġbdux ħabel wieħed mal-fazzjoni Delia. Busuttil tenna: “Bħalikieku l-Partit politiku trid iżomm miegħu bilfors.”

L-Eks Kap tal-Oppożizzjoni mbagħad sellem lid-Deputati Marlene u Godfrey Farrugia, iż-żewġ Deputati li skont l-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli llum il-ġurnata qegħdin jiżfnu mar-ritmu tal-mibegħda kontra l-Partit Nazzjonalista. Busuttil kompla jgħid: “Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia.” “U jiena nsellmilhom.”

Saħansitra Clyde Puli, kien sejħilha mażżra u lifgħa f’ħobb il-Partit Nazzjonalista. Dan wara  li Busuttil kien taha l-palk, il-midja u żewġ siġġijiet parlamentari. Huwa qal li bil-wiċċ tost kollu Marlene riedet issir kap tal-partit Nazzjonalista u meta riedu jċedu s-siġġu għal Delia, riedet tqabbad kandidat tagħha biex tieħdu hi.

Fil-ħin tal-aġġornament fil-Parlament, Simon Busuttil tenna li minn Brussell se jkun seqer fuq Malta. Huwa tenna: “Seqer fuq dak li qed jagħmel il-Gvern Malti.”

 Bl-istess ton ta’ superjorità u suppervja, li dejjem kienu sintomatiċi fid-diskorsi tiegħu fil-Parlament, Busuttil spiċċa żeffen ukoll lil Papa Franġisku bħalma għamlet is-sieħba tiegħu l-Ħadd. Huwa saħaq: “Kellu bżonn din iċappasilhom ma’ wiċċhom il-Papa meta jiġi hawn Malta.”

Simon Busuttil spiċċa anki jagħmel dikjarazzjonijiet surreali, meta qal: “Għaliex qsamtu pajjiż jaħasra.”

Huwa għalaq diskorsu bl-istess frażi sureali li uża fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara li ġarrab l-ikbar telfa fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 bl-akbar distakk mill-indipendenza ‘l hawn. Busuttil temm jgħid: “Li din il-fjamma nħalluha tixgħel u nħalluha ħajja.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend