Chris Said jgħid li taħt Busuttil ma tilfux it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew – One News

Notifiki

Chris Said jgħid li taħt Busuttil ma tilfux it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew


Id-Deputat Nazzjonalista u Eks Kandidat għat-tmexxija Nazzjonalista Chris Said iddedika l-ħin li ngħata fuq l-istazzjon Nazzjonalista sabiex jattakka t-tmexxija ta’ Adrian Delia.

Said li kien wieħed mid-Deputati mmarkati mid-Deputat Nazjonalista Jason Azzopardi bħala eroj blu li sejħu lil Delia biex iwarrab minn Kap tal-Partit, beda biex jattakka t-tmexxija ta’ Delia billi fakkru li taħt Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista ma tilifx it-tielet siġġu kif ġralu fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li għadda. Dan minkejja li f’din l-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista tilef bl-istess marġni li tilef l-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Said stqarr: “Poġġejna target li aħna ridna niġu 3-3. li ntellgħu it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.”

Id-Deputat Għawdxi li kien ukoll Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kompla jitkellem dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u f’botta diretta lejn it-tmexxija attwali fakkar kif Simon Busuttil ma kienx tilef il-maġġoranza tal-Kunsill Lokali tal-Mosta, ta’ San Pawl il-Baħar u tas-Siġġiewi.

Dan bil-kontra ta’ dak li għamlet it-tmexxija ta’ Adrian Delia u Clyde Puli li fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda tilfet Kunsilli li sa ftit snin ilu kienu meqjusa bħala fortizzi Nazzjonalisti.

Said sostna: “Imma rnexxielna wkoll dakinhar li nirbħu l-Mosta u San Pawl il-Baħar u ma nħallu lil-Labour li jirbaħ l-ebda lokalità oħra.”

Hawnhekk Said rringrazzja lil numru ta’ esponenti oħra ta’ Simon Busuttil li twarrbu mill-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia: “Irnexxielna ma’ Simon, iż-żewġ Viċi Kapijiet Beppe u Mario, kien hemm ukoll Ann Fenech li naslu għal ċertu tragwardi.”

Fl-intervista ta’ ftit minuti Said semma s-sitwazzjoni finanzjarja mwiegħra li kellu u għad għandu l-Partit Nazzjonalista biex iwieġeb lit-tmexxija ta’ Delia li akkużathom li żiedu d-dejn għal €34 miljun.

Said tenna: “Kellna wkoll il-problema finanzjarja li kienet sfida enormi.”

Fil-fatt, kien taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil li l-Partit Nazzjonalista sfida l-liġi tal-finanzjament tal-Partiti u ħareġ bl-iskema taċ-Ċedoli. Skema li ftit tal-jiem ilu reġħet taħt il-lenti tal-ġurnalisti wara li l-ġurnal Maltatoday żvela li l-Partit Nazzjonalista ma kienx irnexxielu jwarrab il-pagamenti dovuti lejn dawk li silfu l-flus lill-Partit.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend