BIL-FILMAT: Żieda ta’ 6% fis-safar tal-Maltin fl-2019 – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Żieda ta’ 6% fis-safar tal-Maltin fl-2019

Matul is-sena li għaddiet kważi seba’ mija u sebat elef resident f’Malta siefru barra l-pajjiż. Din kienet tfisser żieda ta’ 6% fuq l-elfejn u tmintax.

Ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-elfejn u dsatax il-Maltin qattgħu iktar minn erba’ miljun u nofs lejl barra minn xtutna.

Huwa stmat li fit-tnax-il xahar tas-sena li għaddiet, il-Maltin nefqu mas-sitt mitt miljun u sitt elef ewro, jiġifieri 7.6 fil-mija aktar minn kemm nefqu fl-elfejn u tmintax.

Miċ-ċifri joħroġ ukoll li bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet,  kważi ta’ mija u erbgħa u disgħin elf ruħ ivvjaġġaw barra l-pajjiż.

L-NSO qal li dan l-ivvjaġġar żdied b’ħamsa punt tnejn fil-mija meta mqabbel mal-istess tliet xhur tas-sena ta’ qabel. Dan ifisser li fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, kien hemm żieda ta’ aktar minn disat elef u ħames mitt ruħ minn pajjiżna li siefru għal btala jew għal xogħol barra l-pajjiż.

F’dan il-perjodu t-turisti Maltin qattgħu kważi miljun u tlett mitt elf lejl barra minn xtutna. Żieda ta’ ħamsa punt erbgħa fil-mija.

Kważi nofs il-vjaġġaturi marru l-Italja jew ir-Renju Unit li baqgħu l-aktar żewġ distinazzjonijiet mfittxija mit-turist Malti.

In-nefqa tal-Maltin matul dawn it-tliet xhur laħqet aktar minn mija u sittin miljun ewro. Żieda ta’ kważi tmienja fil-mija.

Dan ifisser li ras għal ras kull turist Malti li siefer f’dan il-perjodu nefaq medja ta’ tmien mija u sebgħa u għoxrin ewro matul il-btala tiegħu.

Miċ-ċifri tal-NSO joħroġ ukoll li filwaqt li n-numru ta’ turisti Maltin li siefru f’pajjiżi Ewropej żdied bi tnejn fil-mija, is-safar tal-Maltin barra l-Ewropwa żdied b’sebgħa u għoxrin punt ħamsa fil-mija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend